Sunday, February 1, 2026

Jeremy Harbinson jingħata €8,000 għal persuna bla ebda rbit mal-inkjesta Vitals

Aqra wkoll

Il-Magistrat Gabriella Vella approvat €8,000 fi ħlasijiet mitluba minn Jeremy Harbinson għal servizzi mogħtijin minn persuna li ddikjara li huwa ma ta ebda kontribut lill-istess inkjesta.

Dettalji dwar dawn il-ħlasijiet kienu żvelati din il-ġimgħa mill-avukat Vince Galea, li qed jidher għall-eks Prim Ministru Dr Joseph Muscat, meta quddiem l-Imhallef Edwina Grima kompliet tinstema’ l-kawża dwar l-iffriżar tal-assi tagħhom ta’ numru ta’ persuni b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.

29 invoice approvati mill-Maġistrat Gabriella Vella

L-avukat Galea żvela kif l-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals Jeremy Harbinson ippreżenta 29 invoice fejn talab ħlasijiet lill-Qorti għal xogħol li suppost għamel Barry O’Donnell meta dan minn naħa tiegħu ħalef li ma kellu x’jaqsam xejn mal-istess inkjesta. Kull invloice kienet approvata mill-Maġistrat Vella għall-ħlas.

IT-TORĊA tinsab f’pożizzjoni li tippubblika korrispondenza li għaddiet bejn il-Qorti u Barry O’Donnell. Fl-1 ta’ Ottubru tas-sena l-ohra O’Donnell iddikjara li ried ikun ċarissimu li ma kellu l-ebda involviment fit-tħejjija tar-rapport tal-inkjesta ta’ Jeremy Harbinson. O’Donnell informa lill-Qorti li eks kollegi tiegħu ħadmu fuq l-inkjesta taħt id-direzzjoni ta’ Harbinson u li hu ħa ħsieb biss kwistjonijiet amministrattivi. Għamilha ċara li ma ipproċessa l-ebda data relatata mal-inkjesta u m’għamel l-ebda tiftix f’din l-istess data.O’Donnell ħass il-ħtieġa li jagħlaq l-email tiegħu billi enfasizza li huwa fl-ebda kapaċita ma ħadem fuq ir-rapport ta’ Harbinson.

€8,000 meta qed jgħid li ma kellu l-ebda rabta

Wara li l-Qorti talbitu iktar kjafiriċi, O’Donnell reġa’ kiteb fis-7 ta’ Novembru. IT-TORĊA qed tippubblika wkoll din il-korrispondenza. Huwa qal : ‘Kif diġà spjegajt, ma kelli l-ebda involviment fil-tħejjija tar-rapport minn Harbinson Forensics Limited. Sabiex ngħin lill-Qorti Maltija nista’ nikkonferma li jien ma kontx parti mit-tim tal-inkjesta u ma kelli l-ebda kontribut fit-tħejjija ta’ xi aspett tar-rapport. L-uniku involviment tiegħi kien is-superviżjoni tal-impjegati ta’ Jeremy Harbinson. M’għandi l-ebda għarfien jew informazzjoni li tista’ tkun ta’ kwalunkwe għajnuna fil-proċedimenti legali li ghaddejin f’Malta u għaldaqstant, mhux se nkun qed nidħol f’iktar korrispondenza mal-Qorti Maltija fir-rigward ta’ kwistjonijiet li joħorġu mir-rapport ta’ Harbinson Forensics Limited’.

Fis-seduta tal-Erbgha l-avukat Galea informa lill-Qorti li jeżistu 29 invoice li fihom Jeremy Harbinson talab ħlasijiet li b’kollox jammontaw għal €8,000 għal servizzi li suppost ta O’Donnell, li minn naha tiegħu għal darba, darbtejn iżda kien skjett u qal li ma kellu ebda sehem fir-rapport tal-inkjesta. IT-TORĊA qed tippubblika waħda minn dawn l-invoices datata l-1 ta’ Lulju 2023 u li fiha Harbinson talab ħlas ta’ £112,000 (€130,000), fost oħrajn għal servizzi li suppost tah O’Donnell. Fil-11 ta’ Awwissu l-Maġistrat Gabriella Vella approvat li jsir il-ħlas mitlub minn Harbinson f’din l-invoice. 

Maħtur espert mill-Magistrat Vella

Dan iżda mhux kollox. L-avukat Galea żvela li biex is-sitwazzjoni tkompli tikkumplika ruħha jirriżulta li waqt li Barry O’Donnell ħalef li huwa qatt ma kien espert fl-inkjesta ta’ Harbinson, fit-2 ta’ Settembru 2020 il-Maġistrat Gabriella Vella fil-fatt innominatu bħala espert. IT-TORĊA qiegħda tippubblika wkoll dokument li jikkonferma n-nomina ta’ O’Donnell flimkien ma’ persuni oħra.

Fil-Qorti l-avukat Galea qal li jew Harbinson jew O’Donnell qed jigdbu, u talab lill-Imħallef Grima sabiex jittieħdu passi waqt li rrimarka li skont il-kodiċi kriminali l-Qorti għandha l-poter li tordna l-arrest ta’ persuna fuq provi foloz.

Harbinson sparixxa

Għar-rapport tal-inkjesta Vitals, Jeremy Harbinson tħallas €11 – il miljun. L-inkjesta, ordnata mill-Maġistrat Gabriella Vella, damet għaddeja hames snin u kienet ippublikata fil-bidu ta’ Mejju tal-2024. Iktar tard fl-istess xahar meta kien fadal biss ftit jiem għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, numru kbir ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, tressqu l-Qorti u issa qed jiffaċċjaw sensiela ta’ akkużi mill-iktar serji. 

Minn dak in-nhar sal-lum Harbinson irrifjuta kull talba li saritlu mill-Qorti sabiex kif inhu fid-dover tiegħu jixhed dwar l-inkjesta. Ftit tal-ġimgħat ilu saħansitra sar magħruf li m’għadux jgħix l-Irlanda ta’ Fuq u l-avukati tiegħu ma riedux jgħidu lill-pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq fejn jinsab. Il-Maġistrat Lara Lanfranco nhar it-Tnejn ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex f’seduta fis-26 ta’ Frar jaġġornha dwar x’irriżulta mit-tiftix li l-Pulizija Maltija qed twettaq sabiex issib fejn huwa Harbinson.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport