L-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals Jeremy Harbinson irrifjuta wkoll li jixhed quddiem Qorti fir-Renju Unit waqt li l-Pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq qed tqis il-każ magħluq.
Dan sar magħruf dalgħodu fil-Qorti meta saret seduta oħra fil-kawża li fiha numru kbir ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, qed ikunu akkużati b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Fis-seduta tal-lum, l-Avukat Shaun Scerri Decaro, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali informa lill-Qorti li kienu rċevew tweġiba għat-talba tagħhom biex Jeremy Harbinson jixhed f’Qorti fir-Renju Unit.
Qal li f’din it-tweġiba huma ntalbu jagħmlu referenza għall-affidavit li Harbinson ippreżenta lill-Qorti Maltija fl-10 ta’ Frar li għadda. F’dan l-affidavit Harbinson kien iddikjara li mhu se jiġi qatt lura lejn Malta u li mhux disponibbli biex ikun involut bl-ebda mod fil-proċeduri li għaddejjin fil-Qorti Maltija.

