Wednesday, December 25, 2024

Jerġa’ jinħall id-demm ta’ San Ġennaro

Aqra wkoll

Kien ilbieraħ, id-19 ta’ Settembru, meta mijiet kbar ta’ nies inġabru fil-Katidral ta’ Napli biex jassistu għal “miraklu” fejn jinħall id-demm ta’ San Ġennaro li hu miżmum fl-istess post.

Kien preċiżament fl-10.03 a.m. meta dan id-demm inħall u l-folla preżenti nfexxet f’ċapċip kbir. Minn jiem qabel, fl-istess Katidral kienu qegħdin jinġabru diversi persuni jitolbu minn filgħodu quddiem id-demm tal-istess qaddis.

Dan id-demm jinħall tliet darbiet fis-sena u meta jiġri dan ikun ifisser risq għall-belt ta’ Napli u r-reġjun. Il-proċess biex jinħall id-demm jieħu s-sigħat u ġieli saħansitra anke ġranet. Esperti u xjenzati li għamlu testijiet fuq id-demm ikkonfermaw li dan hu demm uman u bl-ebda mod ma setgħu jaslu għal dan il-fenomenu.

Meta d-demm ma jinħallx ma jawgurax sinjal tajjeb għall-belt ta’ Napli u r-reġjun. Infatti, l-aħħar darba li ġara dan kien fis-16 ta’ Diċembru tal-2020; id-demm ma nħallx waqt li kienet għaddejja l-pandemija.

San Ġennaro kien l-Isqof ta’ Benevento fl-Italja u li għex fir-raba’ seklu. Hu meqjus il-patrun tad-donaturi tad-demm. Fil-fatt ġranet qabel is-19 ta’ Settembru u anke wara fil-belt ta’ Napli jkun hemm diversi żoni fejn wieħed jista’ jieqaf u jagħti d-demm u dan isir biex jitfakkar dan il-qaddis.

Ekonomija

Sport