Sunday, December 22, 2024

Jerġgħu jistaqsu l-istess mistoqsijiet lill-eks Ministru Konrad Mizzi

Aqra wkoll

Fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista marret lura minn kelmtha wara ftehim li kien sar f’dan l-istess kumitat hekk kif l-eks Ministru Konrad Mizzi reġa’ ġie mistoqsi l-istess mistoqsijiet.

Meta l-Oppożizzjoni bdiet tistaqsi l-mistoqsijiet tagħha lill-eks Ministru Mizzi, id-deputat Laburista Glenn Bedingfield innota li l-Oppożizzjoni kienet qed tistaqsi l-istess mistoqsijiet li kienu saru lil Mizzi meta kien intalab jixhed għall-ewwel darba. Dan meta kien hemm qbil bil-miktub bejn iż-żewġ naħat li xhud ma jerħax jittella’ quddiem il-Kumitat ħlief biex jiġi mistoqsi fuq fatti ġodda.

“Dik il-mistoqsija diġà wieġeb għaliha, meta xehed hawnhekk għal ma nafx kemm-il darba. Issa veru ‘milli għedna m’hemm xejn’. Il-kelma tagħkom ma tiswa xejn, pero morru araw it-transcript ta’ meta qbilna illi Dr Mizzi għandu jitla’ jixhed u għandu jitla’ jixhed fuq dan.”

Ftit wara d-deputat Alex Muscat innota x’kien intqal f’din il-laqgħa ta’ qabel.
“Konna għedna, u wkoll konna qbilna fil-bidu nett, illi jekk ġew xhieda, m’għandhomx jerġgħu jiġu hawn u jerġgħu jiġu ripetuti lilhom l-istess mistoqsijiet.”

Id-deputati tal-Gvern f’dan il-Kumitat innutaw li l-Oppożizzjoni qed tmur lura minn kelmtha. Intqal li, filwaqt li n-naħa tal-Gvern m’għandha l-ebda problema bix-xhieda tal-eks Ministru Konrad Mizzi, il-membri tal-Gvern se jaraw li dan il-ħela ta’ ħin il-Parlament għandu jieqaf.

Fix-xhieda tiegħu, l-eks Ministru Konrad Mizzi osserva li, bis-saħħa tal-Ftehim għas-Sigurtà tal-Provvista li ffirma l-Gvern, fil-kuntest tal-kriżi tal-enerġija ta’ bħalissa, bejn April u Ottubru ta’ din is-sena Malta ffrankat €225 miljun.

F’isem il-Gvern fil-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi hemm is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u l-membri parlamentari Glenn Bedingfield, Alex Muscat, u Cressida Galea.

Ekonomija

Sport