L-Amerikan Jesse Marsch huwa wieħed mill-kandidati ewlenin biex isir il-coach il-ġdid ta’ AS Monaco, qalu sorsi ta’ min jorbot fuqhom.
Il-club ta’ Ligue 1 keċċa lil Niko Kovac nhar il-Ħamis wara dak li l-bord iddeskriva bħala l-ewwel nofs tal-istaġun li fih xejn ma impressjonaw.
Id-direttur sportiv ta’ Monaco, Paul Mitchell, li kien strumentali biex ingaġġaw lil Kovac 18-il xahar ilu, qed imexxi t-tfittxija għas-sostitut tiegħu.
Il-coach tal-Belġjani, Club Brugge, Philippe Clement, huwa l-favorit u talab li jħalli lit-team Belġjan u jingħaqad ma’ Monaco. Iż-żewġ clubs għadhom ma waslux fi ftehim u f’każ li ma jkunx hemm skoperta, huwa Marsch li jmiss fil-lista.
Marsch, 48 sena, huwa aġent ħieles wara li ħalla lil RB Leipzig aktar kmieni dan l-istaġun. Hu jaf tajjeb lil Mitchell wara li ħadem miegħu meta kienu ma’ RB Salzburg.
Clement kien l-aħjar coach fl-ogħla diviżjoni tal-Belġju għal dawn l-aħħar tliet staġuni. It-team tiegħu impressjona mill-ġdid fiċ-Champions League dan l-istaġun minkejja li ma għaddiex mill-fażi tal-gruppi kontra Paris St-Germain, Manchester City u Leipzig.
Monaco qed jittamaw li jkunu jistgħu jħabbru l-coach il-ġdid tagħhom sa mhux aktar tard minn din il-ġimgħa, lesti għar-ritorn tal-players għat-taħriġ wara l-waqfa tax-xitwa.