Sunday, November 24, 2024

Jgħaddi b’maġġoranza assoluta l-vot fuq iċ-Charger Komuni

Aqra wkoll

Il-vot fuq iċ-Charger Komuni għadda b’maġġoranza assoluta hekk kif 95.5% ivvutaw favur ir-rapport tal-MEP Malti Alex Agius Saliba. 

Filwaqt li rringrazzja lil kulħaddd ta’ dan il-vot b’saħħtu, Agius Saliba qal li l-ħidma tkompli.

“B’nofs biljun chargers għal apparati portabbli mibgħuta fl-Ewropa kull sena, li jiġġeneraw 11,000 sa 13,000 tunnellata ta’ skart elettroniku, charger wieħed għat-telefowns ċellulari u apparat elettroniku żgħir u medju ieħor ikun ta’ benefiċċju għal kulħadd,” qal Agius Saliba filwaqt li żied jgħid li dan fost l-oħrajn se jgħin lill-ambjent, jiffranka l-flus, u jnaqqas l-ispejjeż u l-inkonvenjenzi mhux meħtieġa kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi.

“Qed nespandu wkoll l-ambitu tal-proposta billi nżidu aktar prodotti, bħall-laptops, li jridu jikkonformaw mar-regoli l-ġodda.”

Ir-regoli l-ġodda jiżguraw li l-konsumaturi ma jkollhomx bżonn aktar charger u cable ġodda kull darba li jixtru apparat ġdid, u jistgħu jużaw charger wieħed għall-tagħmir elettroniku żgħar u medji. Telefowns ċellulari, tablets, kameras diġitali, headphones u headsets, consoles tal-logħob tal-kompjuter li jinżammu fl-idejn u portable speakers, li jiċċarġjaw permezz ta’ cable, għandhom ikunu mgħammra b’port USB Type-C, irrispettivament mill-manifattur. L-eżenzjonijiet japplikaw biss għal apparati li huma żgħar wisq biex ikollhom port USB Type-C, bħal smart watches, health trackers, u xi tagħmir sportiv.

Passi li jmiss: Ladarba l-Parlament kollu jkun approva dan l-abbozz ta’ negozjar fis-sessjoni plenarja ta’ Mejju, il-MPE se jkunu lesti li jibdew taħditiet mal-gvernijiet tal-UE dwar l-fażi finali tal-leġiżlazzjoni.

Lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet kienu bdew id-diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew dwar iċ-charger komuni għall-apparat elettroniku.

Kif kien intqal, il-MEP Malti Agius Saliba kien ir-rapporteur li se jmexxi din il-leġiżlazzjoni. 

F’kummenti li kien għadda, huwa qal li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għandhom problema bid-diversità ta’ chargers li jeżistu. 

Huwa kien fisser li  l-maġġoranza taċ-chargers mixtrija jispiċċaw bla użu u grazzi għal leġiżlazzjoni bħal din, tkun qed tiffaċilita l-ħajja ta’ ħafna. Dan fl-isfond tal-fatt li  t-tnaqqis fil-produzzjoni u r-rimi taċ-chargers se jiffranka eluf ta’ tunnellati ta’ skart elettroniku fis-sena.

F’intervista li kienet saritlu minn dan is-sit ftit tax-xhur ilu, Agius Saliba qal li se jkun qed jagħmel aktar pressjoni biex il-KE tapprova l-użu ta’ charger wieħed komuni għal diversi apparat diġitali.

Huwa kien qal li jemmen li din hi proposta tajba li se tkun qed ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies speċjalment meta kull familja għandha numru ta’ membri li jużaw dan l-apparat elettroniku.

Sport