Sunday, December 29, 2024

JGĦADDU L-EMENDI FIL-LIĠI TAL-IVF … L-OPPOŻIZZJONI GĦADHA MA SABITX SIEQHA

Aqra wkoll

Huwa essenzjali u kruċjali li f’pajjiżna jkollna demokrazija ħajja. Demokrazija parlamentari li hi riflessa wkoll fuq il-bżonn li jkollna Oppożizzjoni denja u li tixraq lil dan il-pajjiż. Oppożizzjoni li tikkritika b’mod kostruttiv fejn taħseb li dan ikun meħtieġ. Hija wkoll fl-obbligu li mhux biss turi fehemtha imma li tressaq proposti li jkunu ta’ ġid għall-poplu kollu. 

Imma l-Oppożizzjoni kemm qiegħda taqdi dan id-dmir fil-prattika? Qiegħda taqdi dan il-bżonn b’rispett sħiħ lejn il-poplu u lejn l-istess demokrazija? Qiegħda tkun ta’ eżempju fi kwistjonijiet li huma lil hinn mill-partiġġjaniżmu jew qiegħda tilgħab għall-gallarija?

Qabel il-Parlament aġġorna għall-vaganzi tas-sajf l-Erbgħa li għadda, ittieħed il-vot li se jdaħħal fis-seħħ l-emendi ġodda relatati ma’ prokreazzjoni assistita jew kif inhi magħrufa l-liġi tal-IVF. Emendi iżjed b’saħħithom li jkomplu jinbu fuq dawk tal-2018 li se jwasslu biex aktar persuni jsiru ġenituri. Dawn l-istess emendi kienu wegħda ewlenija ta’ Gvern ġdid Laburista u tressqu u raw l-approvazzjoni tagħhom fl-ewwel mitt jum mill-bidu tal-ħidma tal-Gvern kif imwiegħed.

Madankollu anke hawnhekk l-Oppożizzjoni ma kinitx magħquda meta ġiet għall-vot fuq dawn l-istess emendi. Il-vot kien dak ta’ 66 favur u tlieta kontra. It-tlieta li vvutaw kontra dawn l-emendi kienu Deputati tal-Oppożizzjoni. Wieħed minn dawn kien l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li ddikjara bla tlaqliq li kien se jivvota kontra din il-liġi għax skont hu tmur kontra l-kuxjenza u t-twemmin morali tiegħu.

Ta’ min ifakkar illi anke f’dan il-mument importanti għal ħafna nies li forsi għandhom xi diffikultajiet biex ikollhom wild naturali, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet mifxula u maqsuma dwar kif kienet se ġġib ruħha fil-vot fil-Parlament dwar dan is-suġġett hekk delikat. Fil-fatt, il-vot kontra ta’ Delia u żewġ Deputati oħra juri li minkejja li ma kienx hemm vot liberu għaliex skont il-PN ħadd ma talbu fil-Grupp Parlamentari, madankollu kien hemm sinjali ċari li dawn id-Deputati la mxew fuq il-linja tal-partit u lanqas skont ix-xewqa tal-Kap stess li aktar qabel kien qal li l-Oppożizzjoni se tivvota favur. 

Quddiem dan kollu, tibqa’ f’moħħna l-mistoqsija kemm l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed taderixxi mal-prinċipji veri tad-demokrazija parlamentari. Għaliex nerġgħu ntennu li mingħajr Oppożizzjoni b’saħħitha u denja d-demokrazija parlamentari tkun qed tiġi mhedda minn ġewwa stess.

Ekonomija

Sport