Sunday, April 5, 2026

Jgħaddu sbatax-il jum mindu għeb Vishav, l-istudent ta’ 18-il sena

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minkejja tfittxijiet intensivi  għal Vishav, l-istudent Indjan ta’ 18-il sena li kien qiegħed jistudja f’pajjiżna, baqa’ ma kienx hemm eżitu pożittiv. It-tfittxijiet lejl u nhar minn diversi ħbieb tiegħu ma wasslu imkien. Jgħin fit-tfittxijiet f’pajjizna hawn hu Vishav, li ġie proprju mill-Portugall.  Vishav issa ilu nieqes għal sbatax-il jum. Sal-bieraħ kmieni wara nofsinhar ma kien hemm ebda ħjiel li seta’ jwassal biex jinstab Vishav. 

Fost il-komunità Indjana f’Malta tqassam filmat ta’ missier Vishav jappella biex jinstab ibnu, li kien ilu f’pajjiżna xahrejn. Il-missier jispjega kif hu ħallas somma sostanzjali ta’ flus f’tariffi biex ibnu jkun jista’ jistudja f’pajjiżna.

It-tentattivi biex jagħmlu kuntatt miegħu fuq il-mowbajl, irriżultaw li dan kien qiegħed f’pożizzjoni li ma jirrispondix. Fi kliem sħabu, li ingħaqdu fit-tfittxijiet, ‘m’għandna ebda ħjiel x’ġara”. Hu kien ġie hawn biex jistudja fil-La Vallette Institute f’Ta’ Xbiex. 

Gurpreet Singh li jgħix proprju fl-istess blokka ta’ appartamenti fejn kien jgħix Vishav, kien qalilna li “jien ngħix fl-istess blokk ta’ appartamenti. Hu jgħix f’appartament li jinsab fis-sular ta’ taħtna. Kien jiġi għandna jiekol u naqsmu l-ispejjeż.  L-aħħar kuntatt miegħu kien fit-18 ta’ Marzu.  Kull min ċempillu wara ma qabdux. Jien kellimt anke lil ħbieb tiegħu fl-Indja. Hu l-aħħar kuntatt li għamel ma’ sħabu fl-Indja kien fid-19 ta’ Marzu fit-3.00 ta’ filgħodu. Hu ħareġ fit-18 ta’ Marzu fit-8.30 u ma rajniehx aktar.”“Wara jien kont xogħol part tajm. Meta mort lura ċempiltlu u ma rrispondiex. Bqajna ma għamilniex kuntatt miegħu. Bqajna nippruvaw u anke ċempilna lill-ġenituri tiegħu. Kien fl-20 ta’ Marzu li imbagħad għamilna rapport lill-Pulizija”. 

“Nista’ ngħidlek li fl-appartament tiegħu għad hemm il-bagalja tiegħu u l-affarijiet kollha personali”, jenfasizza Gurpreet.

Nistaqsieh dar l-aħħar kuntatt li għamel ma’ ħbieb tiegħu fl-Indja, fis-sens jekk deherx eċitat jew kienx jinħass li hu normali. Fi kliemu stess, “minn dak li qaluli sħabu kien bidher normali.  Kien kalm bħas-soltu”.

Huwa maħsub li kien liebes ġersi bajda biż-żipp fil-ħin tal-għibien tiegħu.

Il-mexxej tal-komunità Indjana u r-rappreżentant nazzjonali ta’ pajjiż terz fi ħdan il-GWU, Manav Sanger, ħeġġeġ lil kull min għandu informazzjoni biex iressaqha ‘lquddiem. 

Kull min għandu informazzjoni dwar l-adolexxent nieqes għandu jikkuntattja l-eqreb Għassa tal-Pulizija jew lil Gurpreet Singh fuq 9996 1493.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport