Friday, November 8, 2024

Jgħid li ma felaħx aktar u għalhekk mar bis-senter u tah tir

Jinżamm arrestat il-bidwi mixli b'attentat ta' qtil f'Ħad-Dingli

Aqra wkoll

Joseph Micallef ta’ 73 sena residenti l-Baħrija tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco mixli li pprova joqtol lil Emanuel Ciantar.

L-Ispettur Kurt Zahra spjega lill-Maġistrat Lanfranco ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest ta’ Micallef. Huwa beda biex qal li Emanuel Ciantar għamel xi ħin fil-periklu tal-mewt u li minnufih il-Pulizija bdiet teżamina numru ta’ CCTV’s li kien hemm fl-akwati. Huwa spjega kif filmat minnhom kien juri l-mument meta seħħet l-isparatura fejn l-akkużat deher ħiereġ bis-senter u dieħel lura wara li allegatament spara lil Ciantar.

Dan ma kienx l-ewwel każ fejn l-imputat u l-vittma argumentaw u l-istess Ciantar semma lil Micallef bħala wieħed mis-suspettati f’dan il-każ.

L-Ispettur kompla biex jgħid li wara li ġew eżaminati l-kameras, il-Pulizija kellmu lill-imputat u li dan aġixxa b’mod suspettuż. Aktar tard l-Pulizija elevat senter li jista’ jagħti l-każ li huwa dak użat fl-isparatura.

L-Ispettur qal li ttieħdu żewġ stqarrijiet mingħand l-imputat bħala parti mill-investigazzjonijiet u li fihom Micallef ikkopera mal-Pulizija u stqarr li kellu xi kwistjonijiet ma’ Ciantar u li ma felaħx aktar. 

Filwaqt li saret it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet f’dan l-istadju u sakemm jixhed l-allegat vittma f’dawn il-proċeduri ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Sport