Wednesday, July 24, 2024

Jgħid li tnejn mill-erbat itfal imnissla fiż-żwieġ mhumiex tiegħu

Il-Qorti tal-Familja tilqa’ t-talba għad-divorzju bejn il-koppja

Aqra wkoll

Il-Qorti Ċivili (Sezzjoni Familja), laqgħet it-talba għad-divorzju bejn mara u raġel li ilhom ħames snin separati legalment wara 34 sena ta’ żwieġ. Dan billi ma kien hemm l-ebda tama għalihom.

Fir-rikors, imressaq mill-mara, datat 18 ta’ Marzu 2022, hija talbet sabiex iż-żwieġ tagħhom jiġi dikjarat NULL permezz tad-divorzju.

Huma kienu ngħaqdu fis-Sagrament taż-Żwieġ fil-21 ta’ Mejju 1982. F’Mejju tal-2016 seħħet is-separazzjoni de facto għaliex ma kien hemm l-ebda possibbiltà ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-koppja biex ikomplu jgħixu ħajjithom flimkien. Is-separazzjoni legali seħħet fit-22 ta’ Ġunju 2018.

Fir-risposta għat-tweġiba tar-rikors, datata 28 t’Ottubru 2022, ir-raġel qal li martu żammet minnu xi dettalji dwar tnejn mill-erbat ulied imnissla waqt il-perjodu taż-żwieġ, fejn sostna li “żewġt itfal biss twieldu minn dan iż-żwieġ”. Huwa qal li ż-żewġt itfal l-oħra mhumiex l-ulied bijoloġiċi tiegħu. Għalhekk, huwa ma qabilx ma dak stipulat mill-mara fir-rikors fejn qalet “illi ma hemmx kwistjonijiet fir-rigward ta’ manteniment jew kwistjonijiet oħra pendenti ta’ ebda natura bejn il-partijiet”.

Rigward id-divorzju, kien hemm qbil bejn iż-żewġ partijiet. Infatti, ir-raġel qal li ma jsib l-eda oġġezzjoni għaliex l-istess bħal martu ma jarax li hemm lok għar-rikonċiljazzjoni.

Waqt ix-xhieda tagħha fil-Qorti, il-mara ċaħdet dak li qal żewġha dwar it-tfal u sostniet li miż-żwieġ tagħhom tnisslu erbat itfal. Min-naħa tiegħu, ir-raġel xehed li huwa pproċeda bis-separazzjoni meta induna li tnejn mill-erbat itfal li twieldu fil-perjodu taż-żwieġ ma kinux tiegħu.

Il-Qorti, meta ġiet biex tagħti d-digriet, ħadet inkonsiderazzjoni tal-fatt li l-kuntratt tas-separazzjoni bejn il-koppja kien ġa daħal fis-seħħ u li ilhom separati legalment għal ammont ta’ żmien li jeċċedi dak rikjest mil-liġi. Qieset ukoll illi għalkemm għad hemm kwistjonijiet pendenti bejniethom, ir-raġel jidher ħerqan li jikseb id-divorju.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Jacqueline Padovani Grima, laqgħet it-talba biex il-koppja tinħall miż-żwieġ.

Ekonomija

Sport