Sunday, November 10, 2024

Jgħid li waddab flare fil-grawnd biex jevita traġedja

Aqra wkoll

Serb ta’ 34 sena ġie tressaq il-Qorti wara li l-Ħamis filgħaxija allegatament daħħal materjal illegali fl-Istadium Nazzjonali, Ta’ Qali. 

Il-Pulizija qalet li waqt li kienet għaddejja partita futbol, l-uffiċjali li kienu xogħol fl-imsemmi post innutaw partitarju jixgħel flare u wara tefgħu fil-ground. 

Minn investigazzjonijiet li bdew immedjatament u permezz ta’ filmati li l-pulizija analizzat, ġie individwat dan il-partitarju. Malli l-pulizija avviċinawh, ir-raġel ipprova jaħrab, iżda nżamm mill-pulizija u anke rreżista l-arrest.

Damir Andrijevic tressaq quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo fejn għall-ewwel wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, iżda mbagħad irtira din l-ammissjoni ftit minuti wara. Kien għalhekk li l-Maġistrat Bartolo osserva li l-imputat kien qed jiċħad l-akkużi.

L-imputat stqarr li huwa kien waddab il-flare wara li sabha ħdejh diġà mixgħula u biex “jevita milli sseħħ traġedja”. Andrijevic kien fost il-partitarji ta’ Partizan Belgrade li attendew għal-logħba tal-Ħamis kontra Ħamrun Spartans. Il-logħba ntemmet fi draw ta’ 3-3, bit-tim tal-Partizan jgħaddu għall-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa Conference League b’aggregate ta’ 7-4.

Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li huwa m’għandu l-ebda rabtiet ma’ Malta, il-fatt li m’għandux residenza fissa f’pajjiżna u li huwa kien qal lill-pulizija li kien tilef id-dokumenti personali tiegħu.

Minn analiżi li saret mal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni rriżulta li r-raġel kien wasal f’Malta f’Mejju u għalhekk qabeż il-perjodu ta’ tliet xhur li suppost kellu jdum f’pajjiżna.

Fid-dawl ta’ dawn l-oġġezzjonijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba u ordnat li jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Sarah Kathleen Zerafa u Matthew Attard filwaqt li l-Avukat Leontine Calleja dehret għal Andrijevic.

Sport