Saturday, September 6, 2025

JGĦIDU L-ISTESS BI KLIEM DIFFERENTI

Aqra wkoll

L-attur Amerikan u politiku satiriku, P. J. O’Rourke, darba kien qal li “l-mexxejja politiċi huma esperti li ma jgħidu xejn.” U f’din il-frażi nsibu s-sintesi ta’ dak li smajna miż-żewġ kandidati għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-Avukati Alex Borg u Adrian Delia. Ħafna kliem, ħafna slogans u ħafna proposti li tagħsar kemm tagħsar fihom tibqa’ tistaqsi fejn jistgħu jwasslu.

Tistaqsi jekk humiex maqtugħin mir-realtà u tistaqsi kif b’dak li rajna u b’dak li smajna s’issa, jekk qattx il-Partit Nazzjonalista jista’ jkun alternattiva kredibbli għall-elettorat. 

Tibda bil-mod kif bdiet u żviluppat din il-kampanja. Bidu li fih konna ngħatajna l-impressjoni li se tkun waħda mingħajr battibekki, attakki u li kulħadd se jkun qed jaġixxi fl-interess tal-partit. Impressjoni li malajr sfumat fix-xejn b’dak li ġie definit minn Delia bħala tradiment u sussegwentement b’dak li ntqal waqt l-ewwel dibattitu politiku.

Però anke meta nħarsu lejn is-sustanza ta’ dak li ntqal, insibu faqar kemm minn naħa u kemm minn oħra. Proposti u buzz words li wieħed jistaqsi l-fattibilità tagħhom speċjalment meta l-ħin disponibbli hu li hu. Meta l-profil tat-tnejn huwa dak li hu. Proposti bi kliem differenti imma li meta tgħaddihom minn ġol-għarbiel tinduna li huma bħal xulxin. 

Żewġ kandidati li prima facie jidhru differenti imma fil-verità huma similari. It-tnejn xotti. It-tnejn b’limitazzjonijiet kbar. It-tnejn b’mitt domanda fi mħuħ ħafna nies. Fuq ħaġa huma distinti – wieħed nieqes mill-esperjenza u l-ieħor diġà nafu x’isarraf.

It-tnejn li huma se jibqgħu magħrufin għal dikjarazzjonijiet bla sugu li għamlu. Wieħed irid idawwar ir-reception area tad-Dar Ċentrali f’kafetterija u l-ieħor għal li qal li se jirbaħ lill-Partit Laburista ‘hands down’.

Iżda f’dan kollu ma smajna xejn dwar kif se jħarsu lejn il-futur u l-isfidi li jista’ jiffaċċja pajjiżna f’dinja mimlija nkwiet u tensjonijiet ġeopolitiċi, kemm qribna u wkoll lil hinn. Iż-żmien jagħtina parir.

Illejla wieħed minnhom ser jilħaq Kap u minn hemm naraw x’għandu x’joffri meta mill-kliem se jkun imsejjaħ jgħaddi għall-fatti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport