Thursday, March 28, 2024

Jgħidu li l-vjolenza fuq in-nisa hija “Pandemija akbar minn dik tal-Covid-19”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Diskussjoni fil-midja soċjali toħroġ ħtieġa ta’ azzjoni drastika u kollettiva għal tibdil meħtieġ

Kien fl-1975 meta fl-Irlanda 90% tan-nisa għamlu strajk biex jiksbu drittijiet ugwali u jsemmgħu leħinhom. Wara l-qtil ta’ Paulina Demska, in-nisa jridu li f’pajjiżna tittieħed azzjoni tanġibbli biex tieqaf il-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Wara li f’konferenza l-Pulizija ħabbru li l-qtil ta’ Demska ma sarx għax hija mara, fuq il-midja soċjali qiegħed isir appell għall-għaqda fost aktar minn 40,000 mara f’Malta fi strajk kbir bil-għan li jwaqqfu pajjiż biex “fl-aħħar” tkun indirizzata bis-serjetà din it-theddida fuq in-nisa… il-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

F’dawn il-ġranet qiegħed joħroġ ċar daqs il-kristall li s-sess femminili xeba’ u mhuwiex lest jibqa’ sieket għal dak li qiegħed jiġri f’pajjiżna. Dan b’reazzjoni għall-aħħar femiċidju, dak ta’ Paulina Demska u r-rabja li qiegħda dejjem tiżdied wara li fi crime conference marbuta mal-każ il-Pulizija qalet li dan il-qtil ma kienx premeditat, ma kienx hemm mira speċifika, lanqas xi mira fuq is-sess partikolari tal-vittma u li l-vittma ma kinitx fil-mira tal-agressur. Dan l-istupru multiplu li seta’ jsir bil-mod li sar, biss fuq mara u qtil krudili, fi ftit kliem skont il-pulizija ma sarx għax il-vittma kienet mara u għaldaqstant  huwa omiċidju u mhux femiċidju.

Hawnhekk tajjeb ta’ min jikkwota d-definizzjoni tal-kelma “femiċidju” mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) li hija – “Vjolenza kontra n-nisa tinkludi atti varji – minn abbuż verbali u forom oħra ta’ abbuż emozzjonali għal abbuż fiżiku jew sesswali. Fi tmiem il-lista ta’ dan l-ispektrum hemm il-femiċidju: il-qtil ta’ mara”. Hawn jingħad ċar li, qtil ta’ mara huwa femiċidju. Id-WHO tgħid ukoll li, “femiċidju ġeneralment jinftiehem li jinvolvi qtil intenzjonat ta’ nisa għax huma nisa, iżda definizzjonijiet aktar wiesgħa jinkludu kull qtil ta’ nisa u bniet”. 

Pandemija akbar minn dik tal-Covid-19…

Minkejja li ninsabu fil-pandemija tal-Covid-19, nisa fuq il-midja soċjali esprimew il-ħtieġa li jinġemgħu flimkien u dan minħabba li pandemija akbar hija dik tal-vjolenza fuq in-nisa b’rata ta’ waħda minn kull tlieta tisfa vittma ta’ dan l-abbuż. Nisa minn kull livell tas-soċjetà Maltija qegħdin jintalbu biex jingħaqdu, jagħtu l-appoġġ u l-imħuħ tagħhom ħalli flimkien ifasslu proposti u azzjonijiet biex pajjiżna ma jibqax wieqaf quddiem vjolenza rikorrenti u xi drabi fatali fuq in-nisa. 

F’diskussjoni fuq il-paġna “Women for Women” ingħad li, “bħala nisa hemm bżonn li nagħmlu xi ħaġa flimkien. Aħna 43,000 mara u hemm bżonn li nwaqqfu din il-misogina, il-vjolenza fuq in-nisa, il-fastidju sesswali, l-istupri u l-femiċidji. B’xi mod hemm bżonn li nsemmgħu leħinna u hemm bżonn li naraw li l-pulizija jieħdu l-affarijiet bis-serjetà”.

Ir-risposta komuni għal din il-proposta kienet li jaqblu li jkun organizzat strajk jew protesta kbira għax “jekk kollha kemm aħna ningħaqdu, ikollhom jagħtuna widen. Aħna ommijiet, ulied, aħwa, ħbieb, kollegi, għalliema, terapisti, tobba, avukati… Nistgħu fil-fatt immexxu dan il-pajjiż b’mod li jkun wieħed abitabbli. Allura għalfejn għandna nitqiesu bħala ċittadini sekondarji taħt il-poter tal-irġiel?”

Hawnhekk ġie mistoqsi x’kienu jagħmlu l-Pulizija kieku l-qattiel ta’ Paulina m’ammettiex l-att atroċi kriminali tiegħu u kienx kieku jitħalla jiġri mas-saqajn. “Kienu xorta waħda se jgħidulna li Paulina ma kinitx stuprata u maqtula għax hija mara? Kienu se jiċċekkjaw suspettati oħra fuq il-lista ta’ predaturi… jekk għandhom?” kompla l-messaġġ.

Bħalissa fost ħafna nisa qiegħed jinħass il-bżonn ta’ tagħrif pubbliku jekk hemmx uffiċjali fil-Korp imħarrġa biex jinvestigaw każijiet ta’ vjolenza fuq in-nisa u jekk iva, kemm; min ħarriġhom; x’inhuma l-proċeduri meta mara tirrapporta abbuż jew fastidju sesswali u jekk hemmx pulizija nisa mħarrġa biex jieħdu ħsieb każijiet ta’ stupri.

Ekonomija

Sport