Raġel ta’ 42 sena li huwa wkoll missier ta’ żewġt itfal ingħata l-ħelsien mill-arrest hekk kif tressaq il-Qorti mixli li kkaġuna biża’ fuq l-eks sieħba u omm uliedu. Hu ġie mixli wkoll li beżża’ lil-eks sieħba li se tintuża vjolenza kontriha, li nġurjaha u li uża l-mobile għal skopijiet ħziena.
Il-Prosekuzzjoni qalet il-Maġistrat Joseph Gatt li l-argument inqala meta l-akkużat talab lill-eks sieħba l-affarijiet u l-ħwejjeġ tat-tfal. Allegatament hu heddidha li se jisparalha.
L-assessjar dwar ir-riskju li sar mill-Aġenzija FSWS rriżulta f’wieħed sever u għalhekk mill-ewwel il-Pulizija bdew ifittxu l-allegat aggressur. Iżda hekk kif sar jaf li kien hemm mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu, mar hu minn jeddu l-għassa.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonatminħabba l-intraċċ ta’ provi minħabba li għad trid tixhed il-vittma.
Min-naħa tagħha d-difiża qalet li hu għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest meta wieħed jara dwar xiex inqala l-argument. Qalet li l-argument inqala għax allegatament it-tfal kienu qed jitħallew fil-vettura tas-sieħeb tal-allegata vittma u anke omm u missier il-vittma kienu inkwetati minħabba li t-tfal qed ikunu esposti għall-periklu minħabba sewqan perikoluż.
Dwar dan il-missier kien diġà għamel rapport fl-għassa ta’ Birkirikara fejn anke ntalbu l-filmati minn CCTV.
Il-Maġistrat Joseph Gatt laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet stretti fosthom li jiffirma l-għassa erbgħa darbiet fil-ġimgħa,
Inħarġet ukoll ordni tal-protezzjoni favur il-vittma.