Tuesday, October 21, 2025

Jhedded lill-eks martu li jekk titfgħu l-ħabs meta joħroġ joqtolha

Aqra wkoll

Raġel ta’ 67 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li allegatament qal lill-Pulizija li “jekk marti titfagħni fil-ħabs, se noqtolha meta noħroġ”.

Kien ilbieraħ li r-raġel ta’ nazzjonalità mis-Sri Lanka li jgħix Birżebbuġa, tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat ukoll li kiser ordni ta’ restrizzjoni u anke ordni ta’ probation, li kienu imposti fuqu fl-27 ta’ Settembru 2024.

Hu kien akkużat ukoll li hedded u insulenta lill-eks martu permezz tal-telefonata fost l-oħrajn u li anke sar reċidiv.

L-Ispettur tal-Pulizija Audrey Micallef spjegat lill-Qorti li l-allegat reat seħħ meta r-raġel ċempel lill-eks martu u heddidha li jagħti n-nar lid-dar fejn hi kienet tgħix.

Min-naħa tagħha, l-allegat vittma qabdet u ċemplet lill-propjetarju tad-dar biex tgħarrfu dwar it-theddid.

Kien fit-18 ta’ Ottubru li għadda li l-allegat vittma marret l-għassa biex tiffirma r-rapport. L-investigatur spjega wkoll li r-raġel kien ġie arrestat u li meta ttieħed għall-interrogazzjoni fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birżebbuġa, allegatament qal li “jekk marti se titfagħni l-ħabs, se noqtolha meta nħalli l-ħabs”.

Fil-Qorti, l-imputat ċaħad kollox. Madankollu, ġiet maħruġa ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma. Ma kien hemm l-ebda talba għal-libertà proviżorja f’din il-fażi, u r-raġel ittieħed il-ħabs.

Il-Maġistrat Kevan Azzopardi presieda is-seduta, l-Ispettur Audrey Micallef mexxiet il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukat tal-għajnuna legali Martin Farrugia assista lill-akkużat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport