Jibda għaddej ġuri akkużat li stupra lil martu

0
63

Raġel ta’ 44 sena minn Ħal Tarxien beda għaddej ġuri fejn qed jiġi akkużat li stupra lil martu fl-2019.

Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, jinsab akkużat ukoll li ta fastidju lill-allegata vittma u li kien fil-pussess tal-kokaina.

Il-koppja kienu ilhom miżżewġin għal aktar minn 10 snin iżda kienu għaddejjin bi proċeduri ta’ separazzjoni.

Fil-Qorti nstema’ kif f’Mejju tal-2019, ir-raġel kien irritorna lura d-dar għall-ħabta tal-4.00 a.m. wara li qatta’ l-lejl f’każin tal-banda.

Il-mara kienet qalet li qamet xħin semgħetu dieħel u allegatament huwa ried li jkollu x’jaqsam magħha iżda hija rrifjutat minħabba l-proċeduri ta’ separazzjoni.

Minkejja l-oġġezzjonijiet tagħha, ir-raġel allegatament ipproċeda biex jistupraha, bil-mara tibda tibki u titolbu sabiex jieqaf.

Aktar tard, il-pulizija kienet infurmata li mara kienet iddaħħlet l-Isptar Mater Dei fejn allegat li kienet ġiet stuprata minn żewġha.

Waqt l-investigazzjoni ħareġ li l-koppja kienet bdiet bi proċeduri ta’ separazzjoni f’Jannar tal-2019. Dawn il-proċeduri kienu twaqqfu, bil-mara tagħżel li tagħtih it-tieni ċans.

Meta l-proċeduri ta’ separazzjoni komplew f’dak l-istess xahar, ir-raġel kien mar fid-dar matrimonjali tagħhom u allegatament stupraha.

Il-mara ma kinitx irrapportat l-ewwel stupru f’Jannar 2019 hekk kif allegat li r-raġel kien heddidha li se jagħmlilha agħar jekk tirrapportah.

F’April tal-2019, l-akkużat kien irċieva ittra mingħand l-avukat tal-mara fejn infurmah li l-proċeduri ta’ separazzjoni kienu se jkomplu u sabiex hu ma jersaqx lejha.

Waqt li kienu għaddejjin il-proċeduri, il-koppja kienu jorqdu fuq l-istess sodda iżda ma kellhomx relazzjoni sesswali. Huwa iżda allegatament kien stupraha darba oħra f’Mejju.

Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Darleen Grema mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Simon Micallef Stafrace u Julia Micallef Stafrace dehru għall-akkużat.