Wednesday, March 25, 2026

Jibda jinstema’ l-każ tal-missier mixli li pprova joqtol liż-żewġ uliedu

Aqra wkoll

L-akkużat qal lill-Pulizija li kien tefa’ sleeping pills fl-ikel tat-tfal

Waqt li kien qed jiġi interrogat mill-pulizija, il-missier ta’ 49 sena li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil taż-żewġ uliedu fil-White Rocks kien stqarr mal-investigaturi li huwa allegatament kien tefa’ xi sleeping pills fl-ikel tat-tfal. Meta t-tfal ġew ittestjati għal dawn is-sustanzi, ir-riżultati kienu pożittivi. L-istess imputat kien iddikjara mal-Pulizija li huwa ried li t-tfal jorqdu u kien beħsiebu jagħmel video call ma’ ommhom. 

Dawn id-dettalji ħarġu fil-Qorti hekk kif ilbieraħ bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra r-raġel li qed ikun mixli li nhar is-7 ta’ Marzu li għadda, allegatament ipprova joqtol liż-żewġ uliedu li huma minorenni. 

L-imputat, li ismu mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti, qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu. 

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Kurt Colombo Zahra rrakkonta kif dakinhar li seħħ l-allegat każ, għall-ħabta tal-10.05 p.m., mara kienet daħlet fl-Għassa ta’ San Ġiljan flimkien ma’ tifla u rrapportat li waqt li kienet qed issuq fil-Coast Road rat tifla disorjentata u tibki. 

Intqal li din it-tifla kienet qaltilha li missierha kien allegatament “qatel lil ħuha u pprova joqtol lilha wkoll”. Il-pulizija kienu marru minnufih fuq il-post indikat lilhom. It-tifel instab għall-ħabta tal-11.00 p.m. f’kamra abbandunata fil-White Rocks, mimli dmija u nofsu konxju. 

Ftit wara, l-omm irċeviet telefonata mingħand il-missier li kien qalilha “it-tifla ħudha miegħek, it-tifel fis-sema”. Fil-Qorti ntqal ukoll li l-missier kien ukoll allegatament ipprova jifga lit-tifla.

L-Ispettur Zahra xehed ukoll li t-tifla kienet irrakkontat mal-Pulizija li missierhom kien ħadhom bowling u wara jieklu McDonald’s. Hija kienet sostniet li l-ikel kellu togħma morra u stramba. Qalet li missierha kien daq l-ikel ta’ ħuha u qalilha li kien tajjeb u reġa’ qalilha “jekk tħobbni, kulu kollu.” 

It-tifla kompliet tispjega li waqt li kienu qed jirritornaw, missierha kien qalilhom li kellu bżonn jieqaf biex jagħmel toilet u waqaf fl-inħawi tal-White Rocks. Tgħid li hu niżel mill-vettura mat-tifel u talabha ġġiblu ilma. Allegat li malli niżlet, il-missier aggredieha iżda hi rreżistiet u rnexxielha taħrab filwaqt li ħuha beda jgħidilha biex taħrab u tiġri kemm tiflaħ. 

L-Ispettur qal ukoll li l-missier kien għamel kuntatt ma’ qarib tiegħu permezz ta’ video call fejn allega li kien ġie aggredit minn xi ħadd. Madanakollu, lil ħabib tiegħu, f’telefonata separat, qallu “ho fatto una cazzata”. 

L-imputat kien ġie arrestat wara li nstab fil-viċinanzi ta’ kjosk f’Baħar iċ-Ċagħaq. Huwa nstab midrub u allega li pprova jagħmel suwiċidju. Fil-caravan fejn kien qed joqgħod, instabu l-affarijiet personali tal-imputat u anke kiteb noti dwar dak li ġara.

L-Ispettur xehed li l-missier qal lill-Pulizija li kien għaddej minn separazzjoni u kellu diffikultajiet mal-omm biex jiġbor u jara lil uliedu. Sostna li dakinhar tal-inċident, aktar kmieni, persuna waqqfitu f’Guardamangia u allegatament heddu biex jitlaq minn Malta filwaqt li qallu biex jieqaf jikteb kummenti fuq Facebook. 

Meta l-pulizija staqsewh għal aktar dettalji, huwa qal li ma setax jiftakar sew, peress li kien għaddej minn mumenti diffiċli ma’ martu, u ammetta li ma kienx għamel rapport mal-pulizija. Madankollu, aktar tard qal lill-pulizija li dan il-persuna kien il-maħbub ta’ martu.

Dwar il-post fejn seħħ l-inċident, l-imputat qal li kien ħa lit-tfal hemm biex eventwalment jorqdu iżda meta waslu, it-tfal ħarġu mill-karozza u waqgħu u “t-tifel ħabat rasu sew.” Huwa qal li f’dak il-mument ippanikkja u sostna mal-Ispettur “diversi drabi li ma kienx hu.”

Fil-kontro-eżami ħareġ li l-missier kellu relazzjoni tajba mat-tfal. Madanakollu ġie żvelat ukol lli l-omm bdiet titlef il-fiduċja fih meta kien ikun waħdu mat-tfal wara li, skont ix-xhieda tal-Ispettur, hija kienet iċċempillu diversi drabi waqt il-ħin tal-aċċess.

Il-każ ikompli.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Avukati Anthony Vella, Kaylie Bonett u Etienne Savona mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Kurt Colombo Zahra u Christian Xuereb.

L-Avukati Giannella de Marco, Charles Mercieca u Conrad Borg Manche qed jidhru għall-imputat. Għall-parte civile qed jidhru l-Avukati Maxilene Pace u Charmaine Cherrett.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport