Saturday, November 16, 2024

Jibda l-akbar test tal-vaċċin kontra l-COVID-19 fuq 30,000 voluntier

Aqra wkoll

Illum ingħata bidu għall-akbar studju dwar il-vaċċin għal kontra l-COVID-19, fejn l-ewwel 30,000 voluntier huma ppjanati li jgħinu biex jittestjaw il-vaċċin li nħoloq mill-Gvern Amerikan. Dan hu wieħed mill-kandidati ewlenin fit-tellieqa globali biex jinstab il-vaċċin. 

S’issa għad m’hemm ebda garanzija li dan il-vaċċin sperimentali u li ġie żviluppat minn Moderna Incorporation u n-National Institutes of Health se jkun effettiv.

Il-voluntiera mhux se jkunu jafu jekk humiex qegħdin jingħataw il-vaċċin jew inkella verżjoni fittizja. Wara żewġ dożi, ix-xjentisti se jsegwu liema gruppi se jerperjenzaw l-akbar ammont ta’ infezzjonijiet filwaqt li jkomplu bir-rutina ta’ kuljum, speċjalment f’żoni fejn il-virus qed jinfirex mingħajr ma jiġi ċċekkjat. 

Moderna qalu li l-vaċċin sar f’Savannah, Georgia u minn hemm bdew it-testijiet għall-vaċċin. 

Intant, jidher li vaċċini oħra li saru miċ-Ċina u mill-Università ta’ Oxford ukoll bdew bit-testijiet tal-istadji finali. Dawn it-testijiet qegħdin isiru fil-Brażil u f’pajjiżi oħra milqutin ħażin mill-COVID-19. 

Min-naħa l-oħra, l-Amerikani jridu jagħmlu t-testijiet tagħhom u għandhom standars għoljin. Kull xahar waqt il-ħarifa, in-netwerk ta’ prevenzjoni se tagħmel studju ġdid għal vaċċin kandidat ġdid, li kull wieħed juża 30,000 voluntier ġdid. 

L-istudji massivi mhumiex qegħdin isiru biss biex jittestjaw li l-vaċċin jaħdem, iżda biex jiċċekkjaw kemm hu sigur kull wieħed minnhom. 

Ix-xahar id-dieħel, għandu jsir l-istudju finali fuq il-vaċċin ta’ Oxford, segwit minn pjan biex jiġi ttestjat il-kandidat ta’ Johnson & Johnson f’Settembru u dak ta’ Novavax f’Ottubru. 

Ekonomija

Sport