Il-briju tal-Karnival ta’ din is-sena ngħata bidu għalih ilbieraħ filgħaxija permezz ta’ spettaklu fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta.
Bħalma jiġri kull sena, ir-renju tal-Karnival beda bid-dħul trijonfali tar-Re tal-Karnival fejn miegħu ngħaqdu wkoll diversi kumpaniji taż-żfin li komplew iżidu mal-briju f’din il-pjazza.
Ma setax jonqos l-ilbies karnivalesk u l-maskri mal-uċuħ li komplew iżidu mal-atmosfera u l-briju ta’ dawn il-jiem. Żmien ta’ spettaklu li jittrasforma l-pajjiż f’daqq ta’ mużika, żfin u kuluri li jlaqqa’ kemm in-nies tal-lokal kif ukoll viżitaturi għal jiem ta’ ċelebrazzjoni ferrieħa.
Mit-toroq majestużi tal-Belt Valletta sal-pjazez vivaċi ta’ Għawdex u l-irħula madwar Malta, il-Karnival f’pajjiżna huwa u jibqa’ esperjenza unika.

