Tuesday, December 24, 2024

Jibda l-każ dwar allegat ħasil ta’ flus minn Yorgen Fenech

Aqra wkoll

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech se tkun qiegħda tiddeċiedi jekk hemmx biżżejjed provi prima facie, biex Yorgen Fenech, jitqiegħed taħt Att ta’ Akkuża b’rabta mal-każ tiegħu dwar allegat ħasil ta’ flus u misapproprjazzjoni minn kumpanija lokali tal-Gaming. 

Hekk kif illum beda jinstema’ l-każ kontra Fenech, il-Maġistrat Frendo Dimech irrifjutat talba li saret mill-Avukati ta’ Fenech biex tirrikuża ruħha milli tisma’ l-kawża tiegħu. 

L-Avukati Cinzia Azzopardi Alamango u Marthese Grech mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sejħu biex jixhed lill-Ispettur Brian Camilleri li qara chats ta’ WhatsApp bejn Fenech u oħrajn, li huwa qal li qajjem suspett ta’ allegati pjanijiet kriminali.

Fil-Qorti, l-Ispettur qal li minn attività ta’ online gaming, €5,000 marru fil-kont ta’ Nicholas Cachia mentri €40,000 marru f’kont ieħor li jappartjeni lil terza persuna.

L-Avukat Charles Mercieca, li deher għal Fenech flimkien mal-Avukati Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri, argumenta li persuni kienu qed jinżammu taħt arrest abbażi ta’ messaġġi li ma kinux ġew ippreżentati fil-Qorti.

Mercieca qal li mix-xhieda tal-Ispettur, l-ammonti allegatament maħsula huma €5,000 u €40,000 u li dawn ma kienu marbuta ma’ ebda attività kriminali li tista’ tiġi attribwita lill-akkużat.

Il-każ ikompli għada fin-12.30 p.m.

Ekonomija

Sport