Fil-jiem li ġejjin, il-General Workers’ Union se tibda l-proċess ta’ mili ta’ vakanza ta’ Segretarju ġdid għat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni, li tirrappreżenta ħaddiema membri li huma impjegati ma’ firxa wiesgħa fis-settur marittimu u fl-avjazzjoni, fosthom ħaddiema fit-trasport kemm bil-baħar, bl-ajru u bl-art, kumpaniji tal-manutenzjoni tal-ajruplani, persuni li għandhom proprjetà ta’ vapuri lokali u impjegati oħra li jiddependu mill-attività tal-port bħal dawk fil-Malta Freeport Terminals u l-Valletta Gateway Terminals.
Barra minn hekk is-Sezzjoni tirrappreżenta wkoll ix-xufiera tat-trasport pubbliku ta’ Malta u ħaddiema f’numru ta’ entitajiet governattivi. Din it-Taqsima tieħu ħsieb ukoll numru ta’ ħaddiema li ġejjin minn pajjiż terzi li jaħdmu fuq laneċ tas-sajd, joperaw kemm fl-ibħra ta’ Malta u anke internazzjonali.
Il-vakanza se tiġi fis-seħħ hekk kif, is-Segretarju preżenti Sandro Vella se jivvaka din il-pożizzjoni sabiex ikompli jagħti l-kontribut tiegħu mas-Servizz Pubbliku. Matul is-snin li okkupa l-kariga ta’ Segretarju, Vella akkumula esperjenza kbira fir-relazzjonijiet industrijali u ta kontribut siewi biex ġew konklużi bosta Ftehim Kollettivi, kif ukoll ta għajnuna kbira lil diversi membri u ħaddiema kemm fuq bażi personali u anke każi individwali. It-Taqsima taħt it-tmexxija ta’ Sandro Vella rat evoluzzjoni sħiħa kemm ta’ membri, kif ukoll ta’ postijiet ta’ xogħol fi ħdanha.
Il-GWU dalwaqt se tkun qed tħabbar il-proċess tan-nominazzjonijiet u ħatra ta’ Segretarju ġdid, li jibda jservi fl-irwol wara l-Konferenza Ġenerali Straordinarja. Il-GWU tieħu din l-okkażjoni biex tirringrazzja lil Sandro Vella tal-ħidma tiegħu matul s-snin favur il-membri, ħaddiema u l-istess organizzazzjoni filwaqt li tawguralu għall-futur.
Sadanittant Jurgen Azzopardi li matul dan l-aħħar żmien kien qed jassisti fit-tmexxija, qed jikkordina l-ħidma kollha biex l-operat jibqa’ għaddej fit-Taqsima.