Saturday, September 14, 2024

Ian Borg u Alex Agius Saliba konfermati bħala Deputati Mexxejja tal-PL

Aqra wkoll

Bħala Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista ġie elett John Grech.

Grech ġab 57.6% tal-voti mixħuta, filwaqt li l-kandidat l-ieħor Georvin Bugeja ġab 42.4%.

Sadanittant, f’irwoli ta’ Viċi President se jibqa’ Louis Gatt, bħala Segretarju Organizzattiv se jibqa’ l-Perit William Lewis u bħala Segretarja tal-Eżekuttiv Nazzjonali se tibqa’ Catherine Fenech. 

Alex Sciberras konfermat President tal-PL b’14-il vot aktar minn Norma Saliba

L-Avukat Alex Sciberras huwa l-President il-ġdid tal-Partit Laburista b’votazzjoni missielta mal-kandidata Norma Saliba.

Minn 721 vot Sciberras ġab 364 vot, filwaqt li Norma Saliba ġabet 350 vot. Kien hemm żewġ voti ta’ astensjoni u ħamsa oħra invalidi.

Qabel Sciberras kienet tokkupa din il-kariga Ramona Attard.

Vot ieħor b’saħħtu f’Alex Agius Saliba għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-affarijiet tal-Partit

Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba se jkun qiegħed jokkupa l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit wara li kiseb vot b’saħħtu ta’ 92.3 fil-mija. 

Huwa se jkun qed jokkupa l-irwol li sa ftit ilu kien responsabbli minnu l-Perit Daniel Micallef.

Minn 721 vot, Agius Saliba ġab 635 vot iva, 53 le u 28 astensjoni.

Vot b’saħħtu ta’ 95.8% f’Ian Borg għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-affarijiet tal-Parlament

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg se jkun qiegħed jokkupa l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista wara li kiseb vot b’saħħtu ta’ 95.8 fil-mija. 

B’hekk awtomatikament u anke kif stipulat fl-istatut, il-Ministru Borg issa se jinħatar anke bħala Deputat Prim Ministru, wara r-riżenja ta’ Chris Fearne.

Minn 721 vot, il-Ministru Borg ġab 678 vot iva, 30 le u 13-il astensjoni.

Jibda l-proċess tal-għadd tal-voti tal-elezzjonijiet interni tal-PL … Turnout ta’ 95%

Beda l-proċess tal-għadd tal-voti biex fis-sigħat li ġejjin jiġu mħabbra numru ta’ karigi fl-istruttura tal-Partit Laburista.

Il-Kap tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista Brian Scicluna ħabbar li 95% tad-delegati Laburisti vvotaw fl-elezzjonijiet għall-ħatriet fl-amministrazzjoni Laburista.

F’din l-ewwel fażi tal-għadd se jkunu qegħdin jiġu verifikati li hemm qbil li minn fost 750 votant eleġibbli kien hemm 721 li xeħtu l-vot tagħhom biex jagħżlu l-persuni skont il-karigi rispettivi u li dawn il-voti waslu fil-kamra tal-għadd tal-voti.

Tintemm il-votazzjoni

Dan wara li fis-2:00 p.m intemmet il-votazzjoni interna li se tara nies ġodda f’numru ta’ karigi fi ħdan l-istruttura tal-Partit Laburista.

F’din il-votazzjoni, id-delegati vvotaw għal:

  • Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament;
  • Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit;
  • President tal-Partit Laburista;
  • Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista; 
  • 12-il membru tal-eżekuttiv 

Il-votazzjoni f’Għawdex li saret fiċ-Ċentru Laburista f’Tas-Sannat intemmet fis-1:00 p.m.

Bejn illum u lbieraħ vvotaw fost l-oħrajn il-Prim Ministru Robert Abela u martu Dr. Lydia Abela, eks Prim Ministri u eks Mexxejja tal-Partit Laburista, kandidati u anke numru ta’ delegati.

Ekonomija

Sport