Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, ħabbar li beda uffiċjalment ix-xogħol fuq il-proġett ta’ dredging f’Marsaxlokk, waqt żjara li għamel fuq il-post fejn segwa mill-qrib il-ħidma li għaddejja bħalissa.
Dan il-proġett huwa wieħed importanti għall-komunità tas-sajjieda li flimkien ma’ operaturi oħra, jużaw dan il-port biex jaqalgħu l-għajxien tagħhom. Permezz tax-xogħol ta’ tħammil u t-tneħħija tal-materjal li nġabar matul is-snin, ser ikun qed jiżdied il-fond tal-fairway biex ikun hemm pixka ta’ madwar 5 metri. Il-bżonn ta’ dan ix-xogħol ilu jinħass hekk kif matul is-snin, ammont ta’ materjal ġie akkumulat fil-qiegħ tal-port li kien qed iwassal għal ħsarat fl-opri tal-baħar.
Il-Ministru Bonett sostna li dan l-investiment juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura marittima, b’rispett sħiħ lejn l-ambjent u l-bżonnijiet tal-komunità lokali. “Ftit tal-jiem ilu wegħedna li nibdew dan ix-xogħol ta’ tħammil, propju biex ngħinu lis-sajjieda u lill-operaturi kollha li jkunu qegħdin jużaw dan il-port biex joħorġu u jidħlu aħjar għaliex kien qed ikollhom ħafna problemi bil-qiegħ,” qal il-Ministru Bonett. Huwa spjega li dan ix-xogħol kien ilu ma jsir numru ta’ snin u permezz ta’ Infrastructure Malta, dan il-Gvern daħal għal dan ix-xogħol biex itejjeb l-operat marittimu filwaqt li materjal li qed jinġabar, ser jintuża biex titkabbar il-bajja ta’ Għar Aħmar ġewwa Marsaxlokk.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul qal li dan ix-xogħol mistenni jitlesta fi ftit xhur filwaqt li saru l-arranġamenti kollha neċessarji biex ma jkunx hemm impatt fuq l-operat tal-port ta’ Marsaxlokk.
Il-materjal li ser jitneħħa permezz ta’ dan il-proċess ta’ dredging mhux biss se jikkontribwixxi għal navigazzjoni aktar sigura, iżda parti minnu ser tintuża wkoll għar-restawr tal-bajja ta’ Għar Aħmar. Dan ser jgħin biex tiġi riġenerata din iż-żona naturali u tissaħħaħ il-protezzjoni tal-kosta.
Dan il-proġett jallinja wkoll mal-Viżjoni Malta 2050 b’xogħol marittimu sostenibbli li ser itejjeb kemm l-aċċess fil-port ta’ Marsaxlokk kif ukoll jgħin fir-riġenerazzjoni tal-bajja ta’ Għar Aħmar bl-użu tal-materjal li qed jinġabar.



