Friday, March 6, 2026

Jibda proġett ambjentali innovattiv fl-iskola ta’ De La Salle

Spazju ambjentali miftuħ flimkien ma’ spazju edukattiv

Aqra wkoll

Beda x-xogħol fuq proġett ġdid fil-kampus tal-iskola De La Salle, inizjattiva li tpoġġi l-ambjent naturali fil-qalba tat-tagħlim edukattiv u li għandha l-għan li toħloq spazju miftuħ, sostenibbli u innovattiv għall-istudenti u l-komunità.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli flimkien ma’ Project Green u t-tmexxija tal-iskola De La Salle College waqt żjara fuq is-sit.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan huwa proġett innovattiv li jgħaqqad l-edukazzjoni man-natura. Qalet li l-fatt li l-klassijiet se jkunu integrati f’ambjent naturali, u li t-tagħlim isir fi spazju miftuħ, hija ħolma li qed issir realtà. Żiedet li dan il-proġett jista’ jservi ta’ mudell għal skejjel oħra sabiex jadottaw ħsieb simili fil-futur.

Min-naħa tiegħu, il-Project Manager David Ellul spjega li bħalissa għaddejjin xogħolijiet li jinkludu t-twaqqigħ ta’ strutturi abbandunati u kkundannati, u l-bini ta’ klassijiet ġodda li se jintużaw mill-istudenti u wkoll mill-pubbliku. Il-kunċett ewlieni tal-proġett huwa li dawn il-klassijiet ikunu integrati f’ġnien ekoloġiku, b’enfasi fuq sostenibbiltà u riċiklaġġ. Il-ġebel tal-istrutturi li twaqqgħu qed jerġa’ jintuża għall-bini tal-klassijiet il-ġodda, u b’hekk jitnaqqas l-iskart u jiġi massimizzat l-użu tar-riżorsi eżistenti.

Id-Direttur tal-iskola, Stephen Cachia spjega li permezz ta’ dan il-proġett l-iskola qed tħares lejn il-ħolqien ta’ nature-based learning centre. Huwa qal li l-klassijiet se jintużaw mill-istudenti tal-iskola kif ukoll minn studenti oħra, li jkunu jistgħu jqattgħu ġurnata ta’ tagħlim flimkien mal-għalliema tagħhom f’ambjent naturali. Dan se jippermetti li l-lezzjonijiet ma jkunux limitati għall-klassijiet tradizzjonali, iżda jkunu estiżi għall-ġnien ta’ madwarhom, u b’hekk l-istudenti jkunu jistgħu jesperjenzaw in-natura flimkien mal-edukazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport