Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri beda t-tieni qari fil-Parlament dwar l-abbozz ta’ liġi dwar il-monitoraġġ elettroniku. Din hija liġi oħra ta’ gvern riformista li l-għan tagħha huwa li pajjiżna jimxi lejn sistemi legali korrettivi moderni; impenn ieħor tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ li qegħdin inwettqu.
Bil-mod kif ser titħaddem din il-liġi, ser tilħaq żewġ għanijiet, protezzjoni aħjar għall-vittmi u ċans aqwa ta’ riabilitazzjoni. B’hekk, din is-sistema għandha sservi sabiex jiġi sospiż l-obbligu biex detenut ikun konfinat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’każijiet meqjusa minuri, ikun minflok konfinat f’post ieħor b’ordni tal-Qorti, anke b’possibbiltajiet ta’ xogħol jew edukazzjoni. Dan biex tkun faċilitata l-integrazzjoni tagħhom lura fis-soċjetà filwaqt li jingħata serħan il-moħħ lill-komunità u lill-vittmi tal-kriminalità.
Il-Ministru Byron Camilleri, fid-diskors tiegħu fil-Parlament, tenna li b’din il-bidla qed nibqgħu nipproteġu lill-vittmi imma nimxu lejn id-direzzjoni fejn is-sistema korrettiva ta’ pajjiżna tkun aktar intelliġenti, aktar effettiva u aktar moderna.
“Min ixellef idu mal-ġustizzja jrid iħallas. Imma hemm min wettaq reati żgħar jew inkella ġab ruħu sew u qed f’punt li jerġa’ jidħol lura fis-soċjetà għax irriabilita ruħu, u dak irridu nagħtuh dak iċ-ċans għall-benefiċċju tiegħu iżda wkoll għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha kemm hi. Hemm fejn din l-għodda rridu nużawha biex nagħtu serħan il-moħħ ikbar. Fuq kollox, din bidla oħra li ser ikun wettaq dan il-gvern. Bidla importanti li tkompli timmodernizza l-istrutturi ta’ pajjiżna. Bidla ta’ gvern li ma jiqafx jaħdem u għandu l-kuraġġ. Bidla li tkompli tirriforma s-sistema korrettiva ta’ pajjiżna,” sostna l-Ministru Camilleri.
Qal ukoll li bil-monitoraġġ elettroniku qegħdin nintroduċu għodda oħra fil-kullana biex din il-ħidma nagħmluha effettiva fil-viżjoni tagħna, ta’ pajjiż iktar sigur.
Il-monitoraġġ elettroniku ser isir permezz ta’ brazzuletta elettronika li tintlibes mas-saqajn li kontinwament ser tipprovdi lill-awtoritajiet bid-dettalji ta’ fejn il-persuna tinsab.
Bil-qofol ta’ dan l-abbozz ta’ liġi jipprovdi li l-monitoraġġ elettroniku ikun possibbli li jinħareġ:
1. B’ordni mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza ta’ mhux aktar minn sena ħabs, iżda dik l-ordni ma għandhiex tapplika meta l-persuna konċernata tinstab ħatja ta’ reat li jista’ jkun soġġett għal aktar minn sentejn priġunerija, jew huwa reat jew ċirkostanza elenkata fl-Iskeda III.
2. Mill-kap eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi skont qafas regolatorju li diġà qed fis-seħħ li jitħaddem għall-priġunieri li huma eliġibbli għal prison leave skont ir-regolamenti preżenti.
3. Mill-Bord tal-Parole fir-rigward ta’ priġunier li jingħata l-parole skont l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.
Però persuna misjuba ħatja minn qorti mhux ser tkun eliġġibli għal Ordni ta’ Monitoraġġ Elettroniku, anke jekk is-sentenza hi kif spjegat, f’każ li r-reat ikun inkonnessjoni ma’:
• vjolenza domestika,
• vjolenza abbażi tal-ġeneru,
• l-obbligazzjoni ta’ manteniment jew
• aċċess għall-ulied b’ordni tal-qorti tkun inkisret.
• Każijiet marbuta ma’ pedofelija.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega wkoll li dan l-abbozz li fil-każ tal-vjolenza domestika qed naraw li din l-għodda ma tintużax biss fil-konfront ta’ persuna sentenzjata, iżda tintuża wkoll bħala għodda ta’ prevenzjoni.
Wara l-ewwel konsultazzjoni, kienet diġà żdiedet klawsola importanti ħafna biex isservi ta’ protezzjoni għall-vittmi hekk kif l-ordni ta’ monitoraġġ elettroniku ser tkun tista’ tinħareġ ukoll f’Każ ta’ Ordni ta’ Trażżin, Garanzija, Ordni ta’ Protezzjoni u Ordni ta’ Protezzjoni Temporanja. Din l-għodda diġà teżisti fil-liġi tagħna, u issa ser ikun hemm il-possibbiltà li din l-għodda tingħaqad ma’ għodda oħra tal-monitoraġġ elettroniku.
Il-Ministru żied li, wara parir minn attivisti u professjonisti fis-settur, ser tkun qed tiġi ppreżentata emenda fi stadju ta’ Kumitat tal-Abbozzi tal-Liġijiet tal-Parlament li tagħti fakultà lill-vittma, dejjem jekk trid hi, li tkun monitored ukoll, b’mod volontarju sabiex tkun protetta aħjar. Filwaqt li din hija għodda importanti li ser tagħti livell aħjar ta’ protezzjoni, il-ministru saħaq li xorta din mhix sistema infallibbli hekk kif juru r-realtajiet f’pajjiżi oħra.
L-abbozz ta’ liġi jistabbilixxi wkoll regolatur tal-monitoraġġ elettroniku li ser ikun responsabbli li jara li l-liġi tkun implimentata kif suppost, fejn fost il-poteri li ser ikollu, ser ikun jista’ jagħmel spezzjonijiet għall-għarrieda anke fil-Control Room minn fejn tkun implimentata.