L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-Paceville Town Centre Management Committee avżat li beda x-xogħol ta’ tindif tas-sit, li fih iġġarraf il-bini ta’ Tanya Flats, fi Triq Paceville f’San Ġiljan, f’Ġunju li għadda.
Mill-Erbgħa 27 t’Awwissu sal-Ġimgħa 29 ta’ Awwissu, se jkun qed isir ix-xogħol preparatorju għat-tindif, filwaqt li minn nhar it-Tnejn l-1 ta’ Settembru se jibda jinġarr it-terrapien mis-sit.
Ix-xogħol se jitmexxa mill-esperti mqabbda mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u b’kollaborazzjoni mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD), il-Paceville Town Centre Management Committee, il-Pulizija u l-Perit li jirrappreżenta lil kuntrattur imqabbad mill-Awtoritajiet.
Matul il-proċess se jittieħdu l-miżuri kollha sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti u n-negozji tal-madwar, filwaqt li uffiċjali ta’ Transport Malta u l-LESA se jkunu qed imexxu t-traffiku fl-inħawi.
Il-ħinijiet li fihom se jsiru x-xogħlijiet se jkunu bejn id-9.00 a.m. u l-11.00 p.m.