Monday, October 6, 2025

Jibda x-xogħol biex għall-ewwel darba titwassal l-infrastruttura tad-drenaġġ f’Wied iż-Żurrieq

Aqra wkoll

Bdew ix-xogħlijiet fuq proġett ta’ €3 miljun biex għall-ewwel darba Wied iż-Żurrieq jiġi mqabbad man-netwerk nazzjonali tad-drenaġġ. Dan il-proġett se jipprovdi lir-residenti u lin-negozji servizz tad-drenaġġ affidabbli filwaqt li jkun protett l-ambjent tal-madwar.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli enfasizzat kif qed jibda proġett ikkumplikat biex jindirizza sfida li ilha hemmhekk minn dejjem. “Wied iż-Żurrieq qatt ma kien imqabbad man-netwerk nazzjonali tad-drenaġġ, u b’hekk ir-residenti u n-negozji ma kellhomx dan is-servizz. Permezz ta’ dan il-proġett ta’ €3 miljun, ser inkunu qed naħdmu fuq proġett li hu diffiċli imma li rridu natwaw biex insolvu problema eżistenti. Malli Wied iż-Żurrieq ikun imqabbad mas-sistema nazzjonali, din il-konnessjoni tiżgura li r-residenti u n-negozji jkollhom dan is-servizz filwaqt li nappoġġjaw tkabbir sostenibbli u nipproteġu l-ambjent madwar din iż-żona,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia qal li bdew l-ewwel xogħlijiet fuq proġett importanti f’Wied iż-Żurrieq, biex din iż-żona tiġi konnessa mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ. “Dan il-proġett jinvolvi investiment ta’ madwar €3 miljun, bix-xogħlijiet isiru tul il-medda tat-triq ta’ madwar 2km. Se jiġu installati żewġ stazzjonijiet tal-ippumpjar biex iċaqalqu d-drenaġġ minn Wied iż-Żurrieq għan-netwerk tad-drenaġġ tagħna fiż-Żurrieq. L-ewwel fażi tax-xogħlijiet mistennija ddum madwar 10 ġimgħat, bil-proġett kollu mistenni li jitlesta qabel is-sajf li ġej. Dan se jiżgura li l-komunità ta’ Wied iż-Żurrieq tkun konnessa man-netwerk nazzjonali tad-drenaġġ, u l-fosos privati ​​tal-ħwienet u d-djar li s’issa kienu personalment responsabbli għalihom, jiġu eliminati,” spjega Cilia.

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ser tkun qed timplimenta dan il-proġett bħala parti mill-impenn tagħha biex issaħħaħ in-netwerk tad-drenaġġ ta’ Malta. Ladarba jitlesta, għall-ewwel darba Wied iż-Żurrieq se jkun imqabbad bis-sħiħ man-netwerk tad-drenaġġ, u b’hekk ikun hemm aċċess adegwat għas-servizzi, itejjeb il-kwalità tal-ħajja għar-residenti, u jipproteġi l-ambjent naturali f’din il-lokalità popolari.

L-ewwel fażi tal-proġett ser tkopri parti miż-Żurrieq u mistennija titlesta fi żmien 10 ġimgħat. Biex titnaqqas l-inkonvenjenza,  ser jiġi introdott pjan ta’ immaniġġjar tat-traffiku bix-xogħlijiet jibdew minn tarf u jimxu kontinwament fi stadji tul it-triq.

Dan il-proġett f’Wied iż-Żurrieq ser jifforma parti minn programm ta’ investiment nazzjonali biex tissaħħaħ l-infrastruttura tad-drenaġġ madwar Malta u Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport