Sunday, December 29, 2024

Jibda x-xogħol fuq spazju miftuħ ta’ 9,000 metru kwadru għall-pubbliku fil-Birgu

Aqra wkoll

Greenserv u Project Green ser jibdew ix-xogħlijiet biex spazju miftuħ fil-Birgu jinfetaħ għall-pubbliku b’diversi żoni ta’ rikreazzjoni, fosthom post għall-picnics, logħob għat-tfal u park għall-klieb.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca, il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul u s-Sindku tal-Birgu John Boxall, żaru l-post fejn se jsir dan il-ġnien.

Dan l-ispazju miftuħ ta’ madwar 9,000 metru kwadru, ikbar mid-daqs ta’ grawnd tal-futbol, jinsab fil-qalba tal-Kottonera, fiż-żona magħrufa bħala Fuq il-Glacis, ftit passi bogħod mill-Bieb ta’ Provence, waħda mid-daħliet tal-Birgu. Din iż-żona tagħmel parti mill-fortifikazzjonijiet ta’ Santa Margerita.

Il-proġett ġie mfassal apposta biex il-passaġġi u l-faċilitajiet ġodda ta’ rikreazzjoni jsiru b’ħarsien sħiħ lejn il-wirt storiku ta’ dawn l-inħawi, u mingħajr ebda impatt fuq is-siġar maturi li diġà hemm. Dawn is-siġar ser jibqgħu jiġu mħarsa biex ikomplu jsebbħu dan l-ispazju mħaddar. L-ispazju miftuħ ġdid se jkollu żona bl-imwejjed u l-bankijiet għall-picnics, żona għal-logħob tat-tfal u anke park b’tagħmir għat-taħriġ fiżiku tal-klieb.

Il-passaġġi ġodda madwar is-siġar se jagħmlu dan il-post aċċessibbli għal kulħadd. Se tiġi installata wkoll sistema ta’ dwal, li partijiet minnha se jieħdu l-enerġija minn pannelli solari ġodda fl-istess ġnien. It-tagħmir kollu meħtieġ se jkun magħmul minn injam sostenibbli u materjal riċiklat filwaqt li l-passaġġi se jsiru minn materjal reklamat.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li b’dan l-investiment ta’ madwar €500,000 il-komunità f’dawn l-inħawi, fosthom ir-residenti, ħaddiema u studenti fil-Birgu, Bormla u l-Kalkara, se jkollhom spazju miftuħ ieħor fejn jistgħu jiġu għall-mistrieħ qrib in-natura.

“Dan huwa investiment ieħor fil-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-komunitajiet, bħala parti mill-pjan tagħna, b’investiment ta’ €700 miljun, biex f’Malta u Għawdex ikollna ħafna iżjed spazji mħaddra u kulħadd ikollu spazju miftuħ mhux il-bogħod minn fejn joqgħod. Fix-xhur li ġejjin se nkomplu naħdmu fuq ħafna iżjed proġetti ambjentali bħal dan f’lokalitajiet oħra,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

L-implimentazzjoni tal-proġett, kif ukoll il-manutenzjoni fit-tul tal-ġnien meta jkun lest, ġew ippjanati biex ikollhom l-inqas emissjonijiet tal-karbonju possibbli. B’hekk, il-proġett ikompli jagħti prijorità lis-sostenibbiltà.

L-ispazju miftuħ huwa mistenni li jiftaħ għall-pubbliku s-sena d-dieħla.

Ekonomija

Sport