Monday, June 2, 2025

Jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 sena tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra – Open Day il-Ħadd

Aqra wkoll

Inbdew iċ-ċelebrazzjonijiet li qed ifakkru l-50 anniversarju mill-ftuħ tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra b’ċerimonja uffiċjali, ftuħ ta’ wirja u kunċert pubbliku li kellu messaġġ ta’ appell għall-paċi fil-Forti Sant’Iermu.  Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jilħqu l-qofol tagħhom b’Open Day nhar il-Ħadd li ġej, bil-viżitaturi jkunu jistgħu jaraw fost oħrajn il-George Cross flimkien mal-ittra oriġinali mir-Re Ġorġ VI, li ġiet mislufa esklużivament mill-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta għal dan it-tmiem il-ġimgħa speċjali.

Din iċ-ċerimonja ttellgħet fil-Forti Sant’Iermu u mmarkat l-anniversarju tal-ftuħ tal-mużew, fil-kuntest usa’ tat-80 sena mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.  B’hekk ingħata bidu għall-inizjattiva ‘Malta Tiftakar’, organizzata minn Heritage Malta, il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Festivals Malta biex tirrifletti fuq il-legat ta’ Malta minn żmien il-gwerra.

Fl-indirizz tiegħu waqt iċ-ċerimonja l-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li kien mistħoqq li wieħed jiċċelebra l-ħamsin sena mill-ftuħ ta’ wieħed mill-aktar mużewijiet sinifikanti f’pajjiżna.  “Il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra ilu 50 sena jservi bħala xhieda ħajja tal-kuraġġ, is-sagrifiċċji u l-istorja ta’ poplu li baqa’ wieqaf quddiem kull sfida,” qal Dr Bonnici u saħaq li l-preżenza tal-George Cross u l-ittra oriġinali mir-Re Ġorġ VI li huma għall-wiri jżidu simboliżmu u r-rabta storika għal din l-okkażjoni. 

Huwa feraħ lil kull min b’xi mod għen biex dan il-wirt jibqa’ jgħix u jkompli jispira ġenerazzjonijiet futuri waqt li saħaq li pajjiżna m’għandu qatt jinsa minn xiex għadda matul it-Tieni Gwerra Dinjija.  B’dan il-mod, qal il-Ministru Bonnici, pajjiżna jkompli jimtela b’rieda li jaħdem attivament favur il-paċi fir-reġjun li jgħix fih biex is-sliem u l-ħelsien li jgawdu l-Maltin igawduh ukoll popli oħra.

Min-naħa tiegħu Mario Cutajar, Chairman ta’ Heritage Malta, qal li l-istorja tal-bniedem hija miżgħuda bi gwerer u taqbid, bi wħud minnhom mogħtija titli bħal ‘il-gwerra li se ttemm kull gwerra oħra’. Biss, spjega s-Sur Cutajar, il-bniedem stess ma jħallix li dan iseħħ tabilħaqq u saħaq li f’dan il-kuntest il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra jrid jagħti iktar l-istejjer tan-nies li għaddew mill-kruha tal-gwerer.  Huwa saħaq li l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra jirrakkonta wkoll l-istejjer tagħna bħala poplu li biddel l-istorja tiegħu biex il-ġid li joħloq idawru mis-sostenn tal-gwerer għas-sigurtà u l-għajxien aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit faħħar il-ħidma kruċjali tal-Assoċjazzjoni tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, speċjalment fis-snin bikrin tal-mużew.  Huwa qal li “Matul dawn l-aħħar snin, Heritage Malta investiet b’mod konsiderevoli fil-Mużew, li konsistentement jidher fost is-siti l-aktar popolari tal-aġenzija, bin-numru ta’ viżitaturi jikber kull sena.  Huwa enfasizza wkoll is-sehem kruċjali li għandu l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, ċoè dak li jfakkar lil ġenerazzjonijiet ġodda dwar l-orrur tal-aktar kapitli mudlama fl-istorja tal-bniedem, sabiex l-iżbalji tal-imgħoddi ma jiġux repetuti fil-ġejjieni.

Ic-Chairperson tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali Liam Gauci rrimarka li: “Huwa f’okkażjonijiet bħal dawn li rridu nimxu pass lura u niftakru fis-sagrifiċċju ta’ dawk li ġew qabilna. Sagrifiċċju li sar għalina biex ngħixu fil-paċi, għan milħuq biss għax missirijietna u ommijietna kienu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja kontra l-Faxxiżmu.”

Sadanittant, tliet kotba ġodda maħduma mid-dar tal-pubblikazzjonijiet ta’ Heritage Malta tnedew uffiċjalment matul iċ-ċerimonja: ‘It-Tieni Gwerra Dinjija: il-kunflitt li biddel lil Malta’ – gwida bilingwi komprensiv għat-Tieni Gwerra Dinjija f’Malta, ‘The National War Museum: 50 Years, 50 Artefacts’ li jimmarka l-50 anniversarju tal-mużew b’siltiet dettaljati dwar 50 artefatt mill-kollezzjoni tiegħu, u ‘The George Cross: its untold story’ li joffri għarfien kuratorjali ġdid dwar dan l-unur nazzjonali ikoniku.

Għall-okkażjoni attendew membri tal-Assoċjazzjoni tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra li huma grupp ta’ voluntieri dedikati li lura fl-1975 qiegħdu s-sisien tal-mużew tal-lum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport