Saturday, November 23, 2024

Jibdew is-sales … Ħwienet lokali jnaqqsu l-prezzjijiet u jistennew bi ħġarhom il-vawċers tal-Gvern

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Carmen Cachia, Ritratti Alan Saliba          

Dħalna fis-sena l-ġdida u mal-vetrini tal-ħwienet diġà tista’ tara t-tabelli tat-tant mistennija sales staġjonali. It-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ wara l-festi li jsir ta’ kull sena, din id-darba huwa ta’ importanza akbar minħabba li s-sidien tal-ħwienet qegħdin jittamaw li jirkupraw fil-bejgħ tagħhom wara li l-pandemija tal-Covid-19 affettwat il-mutur ekonomiku b’mod ġenerali.

Minkejja li l-bejgħ fl-2020 naqas, fi żmien il-festi għadd ta’ negozji rrapportaw aktar bejgħ minn dak mistenni fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom. Għadd ta’ ħwienet f’lokalitajiet differenti bdew bis-sales sa mill-għada tal-Milied mentri l-maġġorparti bdew fl-ewwel Sibt ta’ wara l-Ewwel tas-Sena bi tnaqqis ta’ bejn l-20% u s-70%. 

L-ORIZZONT dar xi ħwienet fejn qalulna li għal din id-darba, huma kienu ppreparati li l-bejgħ ikun inqas minn dak li jkollhom is-soltu. Dan l-aktar minħabba li n-nies qegħdin jibżgħu għall-flus, kif ukoll għall-fatt li ħafna minnhom jinsabu ġewwa minħabba li huma vulnerabbli. 

“Hemm min mill-klijenti tiegħi li ilhom ġewwa minn Marzu bil-lockdown u l-Belt huwa vojt minħabba li kien hemm rapporti qarrieqa li jekk toħroġ il-Belt, tieħu l-virus. Ħafna affarijiet, fosthom tiġijiet, ħruġ fil-festi, każini u lukandi, din is-sena tħassru. In-nies m’humiex joħorġu u għalhekk m’għandhomx għalfejn jixtru. Din hija katina waħda u nofs din il-katina mhix iddur,” sostna sid ta’ ħanut tal-ħwejjeġ.

L-istess persuna qalilna li issa li bdew is-sales, ħadu ħsieb li jnaqqsu xi prezzijiet għal €15 u dan proprju minħabba li l-vawċers tal-Gvern hekk se joħorġu. Hawnhekk huwa qal li ħafna ħwienet issa qegħdin jistennew bi ħġarhom biex joħorġu dawn il-vawċers ħalli jkun hemm aktar ċaqlieq fil-bejgħ.

Il-ħwienet li jvarjaw minn ħwejjeġ tat-tfal, nisa, irġiel, żraben, ġurgarelli u anke ġojjellerija, ħassew in-nuqqas ta’ turisti fejn minkejja l-ħidma li saret mill-Gvern biex il-belt kapitali tieħu l-ħajja, qalu li l-pandemija xekklet dan kollu tant li l-bejgħ filgħaxija “huwa mejjet”. 

In-negozjanti jafu li dan huwa perjodu diffiċli fejn ħafna persuni jridu jaraw kif se jlaħħqu mal-ħajja u jgħixu bil-paga tal-Gvern. Ħafna ħwienet esperjenzaw inqas nies, imma fl-istess ħin il-maġġoranza qalulna li almenu għamlu bejgħ biżżejjed biex jaqilgħu l-għixien tagħhom u jkopru anke l-ispejjeż tal-bak. 

Il-ħwienet tal-ġugarelli u tal-make up f’dawn il-festi jidher li ma tantx intlaqtu ħażin minħabba li t-tnaqqis fil-bejgħ kien pjuttost minimu. 

Rigward rigali tal-Milied għat-tfal, ħanut tal-ġugarelli qalilna li din is-sena kienx hemm xi ġugarell partikolari li biegħ iktar mill-oħrajn, fosthom xi karattri partikolari.

Min-naħa l-oħra, salesman ta’ ħanut taż-żraben qal li, “nirringrazzjaw ‘l Alla għax stennejna li se tkun agħar. Issa nistennew il-vawċers tal-Gvern u din id-darba se jkun imissna €40 minflok €20. Għalhekk nisperaw li jkun hawn aktar bejgħ. 

Huwa żied jgħid li issa hemm aktar tama li kollox imur għan-normal bit-tilqima l-ġdida kontra l-Covid-19 u li l-ħwienet tal-Belt iridu t-turisti minħabba li dawn jiġġeneraw ħafna bejgħ.

Il-ħwienet tal-ġojjellerija wkoll qalu li marru mhux ħażin. Wieħed mill-aktar oġġetti li nbiegħu fil-festi li għaddew kienet kartiera partikolari li kellha prezz pjuttost raġjonevoli. Żewġ assistenti f’ħanut tad-deheb sostnew li, “huwa fatt li minħabba l-Covid-19, kulħadd bata’ xi ftit. L-aktar ħaġa li din is-sena rajna hija li n-nies riedu jixtru, imma beżgħu mill-ammont li jonfqu”. 

Sport