Saturday, November 16, 2024

Jibdew ix-xogħlijiet fuq il-ħames Ċentru għall-Volontarjat f’Kordin imsemmi għal Jake Vella

Aqra wkoll

Bdew ix-xogħlijiet f’dak li ser ikun il-ħames Ċentru tal-Volontarjat tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS). Wara l-Belt Valletta, ir-Rabat, Birkirkara u x-Xewkija f’Għawdex, dan ta’ Kordin huwa intiż biex iservi lill-għaqdiet tan-Nofsinhar ta’ Malta. B’dan l-investiment, l-għaqdiet volontarji rreġistrati bħala VOs se jkunu jistgħu jinqdew b’faċilitajiet u riżorsi, u jużaw dan l-ispazju biex jiltaqgħu u jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo żaru x-xogħlijiet li bħalissa għaddejjin f’dan iċ-ċentru.

Iċ-ċentru ser jingħata l-isem Ċentru għall-Volontarjat Jake Vella. B’hekk il-memorja ta’ Jake tibqa’ mfakkra fost il-voluntiera kollha li tul is-snin li ġejjin ser ikollhom l-opportunità li jaħdmu minn dan iċ-ċentru. B’mod volontarju u minkejja t-tbatijiet li kien għaddej minnhom, Jake ħoloq inizjattivi sabiex jinġabru fondi għall-annimali abbandunati.

​​Il-Ministru Julia Farrugia fissret kif dan iċ-ċentru huwa turija ta’ kemm il-Gvern lest jinvesti fit-tisħiħ tal-għaqdiet volontarji f’pajjiżna. “Din il-faċilità moderna, se tingħaqad maċ-ċentri l-oħra biex toffri lill-għaqdiet tagħna r-riżorsi, l-ispazju, u s-sostenn meħtieġ biex ikomplu bix-xogħol imprezzabbli tagħhom fil-komunitajiet tagħna.

Dan mhuwiex biss bini; iżda wegħda minn dan il-Gvern biex insaħħu s-soċjetà ċivili, inrawmu kollaborazzjoni, u niżguraw li s-settur volontarju jkompli jiffjorixxi. Qed inwettqu dan l-impenn tagħna filwaqt li nżommu ħajja l-memorja tal-mibki Jake Vella li se’ jibqa’ mfakkar bħala xempju u mudell li għandna nimitaw, kemm fis-settur tal-volontarjat u anki oltre,” temmet tgħid il-Ministru.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, qal li dan iċ-ċentru ser ikun inizjattiva oħra importanti għaliex ser jilħaq għaqdiet li s’issa ma kellhomx faċilitajiet daqstant viċin.

“L-iskop ta’ dawn iċ-ċentri kien mill-bidu nett li jkun hemm firxa wiesgħa ħalli jkunu f’kull naħa tal-gżejjer Maltin biex ikunu viċin ta’ fejn hemm l-għaqdiet u fejn hemm il-volontarjat. Ġaladarba dan iċ-ċentru jiftaħ, nistgħu ngħidu li issa lħaqna l-milja ta’ din l-inizjattiva u allura għandna servizz aċċessibbli għall-għaqdiet li jixtiequ jagħmlu użu minn dawn iċ-ċentri mifruxa ma’ Malta u Għawdex.”

Huwa mistenni li dan iċ-ċentru jiftaħ il-bibien tiegħu għall-użu tal-għaqdiet volontarji għall-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.

Ekonomija

Sport