Wednesday, April 24, 2024

Jibdew ix-xogħlijiet fuq il-kampus il-ġdid tal-ITS fi Smart City

Aqra wkoll

Fil-ġimgħat li għaddew bdew ix-xogħlijiet fuq il-kampus il-ġdid tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) fi Smart City, il-Kalkara. Dan il-kampus se jkun qed jakkomoda sa 2,500 student u se jinkludi diversi faċilitajiet ġodda b’korsijiet speċjalizzati f’din l-industrija tant importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Il-kampus il-ġdid, b’investiment ta’ €60 miljun kfinanzjat minn fondi Ewropej, jinkludi fost oħrajn 58 klassi, tliet ristoranti, tliet bars u kafetterija għat-taħriġ flimkien ma’ 21 laboratorju speċjalizzat u librerija. 

Proġett li jaħseb ukoll fil-faċilitajiet neċessarji għal aktar minn 300 membru tal-istaff, 400 spazju ta’ parkeġġ flimkien ma’ sala li tesa’ aktar minn 300 persuna. 

Faċilitajiet oħra li se jagħmlu dan il-kampus wieħed state-of-the-art jinkludu indoor pool adattat għat-taħriġ tal-għads flimkien ma’ ċentru tal-isports.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza stampa li kienet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela, li spjega kif huwa b’investiment fil-kwalità li pajjiżna jista’ jilħaq livelli ġodda.

“Għandna din l-opportunità għaliex għandna ekonomija li qed tikber bis-saħħa. Dan għaliex għandna pajjiż bi prestazzjoni ekonomika li tiżboq dik ta’ pajjiżi oħra. Għalhekk illum ninsabu f’pożizzjoni fejn nistgħu nenfasizzaw aktar fuq il-kwalità,” qal Dr Abela.

Il-Prim Ministru qal li b’dan il-proġett, il-Gvern qiegħed jibgħat messaġġ qawwi li t-turiżmu kien, għadu u se jibqa’ pilastru importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna filwaqt li joffri karrieri għall-Maltin u l-Għawdxin. 

Il-Prim Ministru sostna li filwaqt li qed jinħolqu oqsma ġodda, huwa essenzjali li jinżammu b’saħħithom dawk l-oqsma li dejjem rendewlna ħafna. Fil-fatt, sa Settembru diġà ġew f’pajjiżna 1.8 miljun turist li nefqu f’pajjiżna €1.5 biljun. 

Bit-turiżmu kellu ukoll kontribut importanti f’dawk li huma impjiegi, bir-ristoranti u lukandi ħolqu wieħed minn kull ħames impjiegi ġodda li kellna din is-sena flimkien ma’ żieda ta’ 700 impjieg part-time fl-istess settur.  

Riżultati li jixhdu li ċ-ċertezza u stabbiltà li qed joffri l-Gvern qed iwasslu biex pajjiżna jibqa’ wieħed tal-opportunitajiet. “Determinati li nibqgħu ngħollu l-kwalità, lil min jinvesti nagħmlulu kuraġġ. Huwa b’hekk li bil-fiduċja f’pajjiżna fl-ewwel disa’ xhur tas-sena reġa’ kellna riżultati ekonomiċi tant b’saħħithom,” tenna l-Prim Ministru. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo stqar li rridu naraw li t-turiżmu f’Malta mhux biss jibqa’ kompetittiv imma jagħmel il-qabża li jmiss fil-kwalità. “Għalhekk, il-Gvern permezz tal-ITS qed juri l-impenn tiegħu li bl-iżjed mod ċar irridu naraw li t-turiżmu jibqa’ fuq quddiem u jkun wieħed mill-muturi ewlenin tal-ekonomija ta’ pajjiżna, mhux biss għal-lum iżda anke għaż-żmien li ġej.

“Qegħdin ninvestu wkoll fl-edukazzjoni. Nemmnu li dan il-kampus se jkun pass ieħor ‘il quddiem, ikompli juri l-impenn tal-ITS, biex inħeġġu aktar żgħażagħ jaraw it-turiżmu bħala karrierra,” qal il-Ministru Bartolo. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech tenna li dan l-investiment se jagħti l-possibbiltà li l-ITS tkompli tinvesti f’korsijiet ġodda u innovattivi. Spjega li għal dawn l-aħħar tliet snin, l-ITS kellha rekord ta’ studenti ġodda u sostna li “ninsabu kunfidenti li ladarba nimxu lejn il-kampus il-ġdid tagħna dawn in-numri se jiżdiedu b’rata aktar mgħaġġla. Diġà għandna impenji min-numru ta’ istituzzjonijiet barranin, li jridu jibagħtu lill-istudenti tagħhom ikomplu l-istudji tagħhom hawn Malta.”

Sport