“Paulina Dembska nqatlet. Xejn mhu se jġibha lura. Il-familja tagħha għandha bżonn l-appoġġ tagħna.”
Hekk sostnew uħud mill-ħbieb ta’ Paulina Dembska, il-mara Pollakka ta’ 29 sena li l-Ħadd filgħodu instabet maqtula fi ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema.
Fl-aħħar sigħat sħabha bdew inizjattiva ta’ ġbir ta’ fondi bil-għan li jgħinu lill-familja tagħha biex ikunu jistgħu jsiru l-arranġamenti neċessarji biex il-katavru tagħha jintbagħat għall-funeral fil-Polonja. Sħabha spjegaw li qed jimmiraw li jinġabru mal-€10,000 biex dan ikun jista’ jsir.
Huma spjegaw li apparti mill-fatt li l-flus se jgħinu biex isiru l-arranġamenti neċessarji għat-trasport tal-kavavru lejn il-Polonja, se jkunu qed jgħinu biex jiżguraw li dan il-każ jasal għat-tmiem ġust tiegħu. Huwa għalhekk li qed jittamaw li jinġabru wkoll €10,000 oħra biex ikopru l-ispejjeż legali.
Sa dalgħodu kienu diġà nġabru aktar minn €5,000.