Friday, December 13, 2024

Jibdew jintbagħtu ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Clyde Caruana ta d-dettalji dwar iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa li bdew jitqassmu lbieraħ. Huwa rrimarka li se jkunu qed jitqassmu żewġ tipi ta’ ċekkijiet: (i) ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa,  u (ii) ċekkijiet biex jagħmlu tajjeb għall-għoli tal-ħajja.

Fl-ispjegazzjoni tiegħu dwar iċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa, Caruana argumenta li se jibbenefikaw 243,000 ruħ u li l-valur ta’ dan iċ-ċekk żdied bil-miżura tal-baġit li għadda. L-ammont ta’ nies li jibbenefikaw taħt il-komputazzjoni singola huwa ta’ 161,000 ruħ, dawk li jibbenefikaw taħt il-komputazzjoni tal-miżżewġin huwa 30,500 persuna, filwaqt li dawk illi jibbenefikaw taħt il-komputazzjoni ġenituri hemm ftit inqas minn 52,000 ruħ. Għalhekk l-ammont totali ħa jkun ta’ €25.5 miljun. Caruana sostna li dawn ċ-ċekkijiet u l-ammont tagħhom se jkomplu jiżdiedu fil-leġiżlazzjonijiet futuri, diment li l-Gvern Laburista jingħata l-fiduċja mill-poplu fis-26 ta’ Marzu li ġej.

Dwar it-tieni għotja ta’ ċekkijiet, Caruana rrimarka li dawn se jkunu qed jindirizzaw l-għoli tal-ħajja. Huwa nnota li hawnhekk se jkunu qed jibbenefikaw madwar 361,000 persuna li bejniethom se jkunu qed jieħdu €48 miljun. In-nies li f’xi forma jew oħra qed jieħdu benefiċċju soċjali jammontaw għal 24,000 persuna u dawn se jkunu qed jieħdu s-somma ta’ €200. Pensjonanti hemm mal-94,000 elf ruħ u dawn se jkunu qed jirċievu €200 wkoll. Il-ħaddiema — li magħhom hemm tal-inqas 5,000 student — b’kollox ilħaqqu madwar 232,000 ruħ, dawn se jkunu qed jirċievu €100. L-istudenti li jieħdu l-istipendju jammontaw għal 10,400 ruħ u se jingħataw €100 ukoll. B’hekk it-total huwa ta’ 361,000 ruħ li bejniethom jieħdu €48 miljun. Caruana ma eskludiex li f’każ illi tinħass il-ħtieġa, il-Gvern jerġa’  jintervjeni. Dan qalu fir-rigward li huwa mistenni illi għadd ta’ prodotti se jogħlew bħala effett tal-gwerra li għaddejja bejn ir-Russja u l-Ukrajna.

Lejn l-aħħar tad-diskors tiegħu, Caruana sostna li “Il-finanzi tagħna għadhom sodi … il-pajjiż għadu jiflaħ”.

Ekonomija

Sport