Sunday, December 22, 2024

Jibdew jitħaffru l-mini tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP)

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li x-xogħol fuq il-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Intersezzjoni tal-Ajruport, b’investiment ta’ €18-il miljun, miexi ġmielu hekk kif il-kuntratturi tal-proġett diġà skavaw 30% ta’ dan l-underpassu r-rampi tiegħu.

L-aġenzija Infrastructure Malta bdiet tħaffer l-underpass tar-roundabout il-ġdid ta’ 200 metru u ż-żewġ rampi ta’ 120 metru f’April li għadda. Dan se joħloq rabta diretta u aktar sigura bejn il-karreġġjati lejn in-nofsinhar u lejn it-tramuntana ta’ Vjal L-Avjazzjoni u Triq Ħal Far.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “Prijorità ta’ dan il-gvern hi dejjem is-sigurtà tan-nies. B’dan il-proġett se nkunu qed innaqqsu kemm il-ħin tal-ivvjaġġar minħabba li se jonqos it-traffiku, kif ukoll ir-riskju ta’ inċidenti. Apparti hekk, tajjeb li ngħidu wkoll li l-aġenzija Infrastructure Malta bħalissa qed tipprepara wkoll biex tibda l-Luqa Junction Project, proġett li se jsir ftit ‘il bogħod minn hawn iżda tul l-istess rotta.”

Flimkien dawn iż-żewġ proġetti huma mistennija jnaqqsu l-ħin tal-ivjaġġar sa 74% tul din ir-rotta.

“B’hekk se nkunu qed nimxu pass ieħor ‘il quddiem lejn il-viżjoni ta’ dan il-gvern f’dik li hi infrastruttura aktar ħadranija u ambjent aktar nadif. Dan riżultat ta’ inqas traffiku li jwassal għal inqas emissjonijiet fl-arja u anke adozzjoni ta’ trasport aktar nadif u sostenibbli fost oħrajn permezz ta’ faċilitajiet bħalma huma aktar passaġġi tal-mixi, aktar kumdità għat-trasport pubbliku u aktar passaġġi siguri għar-roti. Miżuri li ttieħdu mhux f’dawn il-proġetti biss iżda anke fi proġetti oħra madwar pajjiżna.”

Il-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Intersezzjoni tal-Ajruport se jkun qed jirrevedi wkoll networks tas-servizzi li jinsabu taħt l-art taż-żona bħal ma huma 10 kilometri ta’ cables tal-elettriku ġodda, tal-internet, tat-telekomunikazzjoni, mains tal-ilma, drenaġġ u pipelines tal-ilma tax-xita. Madwar 20% ta’ dawn in-networks huma lesti.

Ekonomija

Sport