Jibdew jitressqu l-provi fil-konfront ta’ John Cassar mixli bil-qtil ta’ ommu u bl-attentat ta’ qtil ta’ missieru

Aqra wkoll

Dalgħodu l-Prosekuzzjoni bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ John Cassar fejn uddiem il-Maġistrat Ingrid Bianco, l-imputat hu akkużat bil-qtil ta’ ommu Mary Grace Cassar ta’ 72 sena u bl-attentat ta’ qtil ta’ missieru Ġanni ta’ 74 sena fl-Imqabba.

Hu qiegħed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi.

L-ewwel xhud kien l-Ispettur Kurt Zahra fejn qal li dakinhar tal-każ kien irċieva telefonata mingħand John Cassar missier l-imputat li qal li ibnu aggredih.

Kompla jixhed li  meta l-Pulizija marru fuq il-post sabu wkoll lil omm l-imputat Mary Grace li kellha xi daqqiet. L-Ispettur Zahra spjega li John Cassar –  il-missier – kien qal li qala’ daqqa ta’ turnavit minn ibnu. 

L-Ispettur Zahra qal quddiem il-Qorti li meta kien fuq il-post iltaqa’ ma’ Saviour Camilleri li dan qallu li kien qiegħed videocall mal-imputat u l-Ispettur qal li kien jidher eċitat ħafna. Hu qallhom “ħalluni kwiet. Għandi ftit ħa naħraqha u mbagħad noħroġ bil-kwiet”.

Hawn l-Ispettur beda jaqra minn post li l-imputat tella’ fuq il-midja soċjali fl-istess ħin li l-pulizija kienet qiegħda tipprova tarresah.

Spjega li dawn il-post kienu indirizzati lil diversi nies fost lil xi mara b’isem barrani li allega li serqitlu 7,000 ewro. Zahra qal ukoll li Cassar qal li ‘issa bla Tomorrowland se nibqa’!’ Qal li John ħareġ mir-residenza tiegħu fis-16:36 u ġie arrestat. 

l-Ispettur xehed li Cassar għal diversi drabi irrifjuta l-għajnuna ta’ avukat waqt li kien qiegħed jiġi mitkellem mill-Pulzija. 

L-ispettur Zahra qal li meta qal lill-imputat li missieru kien għadu ħaj u stabbli wża kliem baxx biex jgħid kliem fis-sens ta’ dak l-agħar!

L-Ispettur Kurt Zahra qal li Rosalie Cassar l-eks mara tal-imputat qaltilhom li għall-ħabta tan-12:30pm tal-15 ta’ Ottubru, Mary Grace ċemplet lil Rosalie u qaltilha li kien hemm John ħdejha u minn fuq il-mobile t’ommu stasaq lil Rosalie hux minnu li għamlitlu rapport. 

Rosalie qalet lill-Pulizija li John Cassar il-missier kien ċeplilha u qallha li qala’ daqqa ta’ turnavit minn ibnu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport