Sunday, November 24, 2024

Jibdew l-investigazzjonijiet dwar x’wassal għad-diżastru tal-folla fil-Korea t’Isfel

Aqra wkoll

Matul l-aħħar sigħat l-investigaturi ġew­wa l-Korea t’Isfel bdew jiġbru u janalizzaw filmati minn iktar minn 50 kamera tas-sigurtà kif ukoll minn filmati mxandra fuq il-midja soċjali ħalli ikun magħruf x’wassal biex numru kbir ta’ persuni tilfu ħajjithom f’diżastru tal-folla waqt party tal-Halloween. 

Fl-aħħar sigħat ukoll il-pajjiż beda ġimgħa ta’ luttu nazzjonali kif ukoll sar magħruf li n-numru ta’ persuni mejtin issa tela’ għal 154. Apparti hekk 149 persuna sofrew ġrieħi bi 33 minnhom jinsabu f’qagħda kritika. Fost il-vittmi hemm ħafna li kienu ġejjin minn pajjiżi barra l-Korea t’Isfel.

Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Han Duck-soo wiegħed li se jkun hemm investigazzjoni bir-reqqa filwaqt li qal li l-awtoritajiet qed jistudjaw il-katina ta’ avvenimenti li finalment wassalu għal dan l-inċident ikrah. Huma qed jaraw jekk kienx hemm xi ħadd li bl-azzjonijiet tiegħu wassal biex iseħħ dan id-diżastru tal-folla.

Kollox beda hekk kif għexieren ta’ eluf ta’ persuni – ħafna minnhom żgħażagħ u adulti żgħar lebsin kostumi – ħarġu jiċċelebraw il-Halloween fit-toroq dojoq tad-distrett popolari ta’ Itaewon. Il-konkorrenza kienet waħda tajba ħafna hekk kif din kienet l-ewwel ċelebrazzjoni mingħajr restrizzjonijiet f’dawn l-aħħar tliet snin. 

Il-kaos kollu qam hekk kif għal xi raġuni ammont kbir ta’ nies daħlu fi sqaq partikolari li huwa pjuttost dejjaq u dan minkejja li diġà ma kienx hemm spazju fejn taqa’ labra. 

Bla dubju ta’ xejn dan il-każ huwa daqqa ta’ ħarta kbira għad-distrett ta’ Itaewon – li jinsab ġewwa l-kapitali Seoul – hekk kif dan ir-reġjun kien beda jerġa’ jieħu l-ħajja wara sentejn ta’ restrizzjonijiet minħabba l-Covid-19. Dan huwa l-iktar diżastru qattiel fil-Korea t’Isfel mill-każ tal-2014 ’il hawn meta dakinhar bastiment kien għereq b’304 persuni abbord, ħafna minnhom studenti. 

Sport