Monday, June 9, 2025

Jibdew sistemi ġodda ta’ tindif u ġbir ta’ skart fil-Blue Lagoon

Aqra wkoll

Fil-Blue Lagoon, bi tħejjija għas-sajf li ġej, l-awtoritajiet bdew sistemi ġodda ta’ tindif u ġbir ta’ skart, b’aktar mid-doppju tal-ħaddiema u riżorsi milli kien hemm qabel, sabiex tittaffa waħda mill-akbar sfidi f’dan il-post naturali daqstant popolari. 

Dawk li żaru l-Blue Lagoon mill-ewwel ta’ Mejju ’l hawn setgħu jinnutaw żieda fil-ħaddiema mqabbda apposta biex kontinwament inaddfu din ix-xtajta popolari f’Kemmuna. F’dawn l-aħħar jiem kien hemm aktar mid-doppju tal-ħaddiema tat-tindif milli kien hemm is-sajf li għadda, u dan in-numru se jkompli jikber aktar ma jidħol is-sajf u miegħu jiżdiedu wkoll l-eluf ta’ turisti u residenti li jżuru din il-bajja. Dawn il-ħaddiema qed jaraw li regolarment jikinsu l-passaġġi, jbattlu l-laned tas-separazzjoni tal-iskart u anke jiġbru skart li jintefa’ b’mod irresponsabbli, jew itir bir-riħ, fix-xagħri madwar il-Blue Lagoon. 

Fl-istess waqt, l-iskart li jinġabar qed jinġarr minn Kemmuna aktar ta’ spiss, sabiex dejjem jonqos l-iskart li jinżamm fuq din il-gżira, li hija protetta bħala sit Natura 2000 għas-sbuħija u l-importanza tal-ambjent naturali tagħha. L-għan aħħari hu li ma jitħalliex skart miġbur f’Kemmuna bil-lejl, għaliex dan kien qed joħloq sfidi għall-ħarsien ambjentali tal-Blue Lagoon, u ta’ nħawi oħra fil-qrib f’din il-gżira.

Fl-istess waqt, in-numru ta’ latrini u faċilitajiet sanitarji oħrajn disponibbli għal dawk li jżuru l-Blue Lagoon qed jiżdiedu wkoll, u qed jitnaddfu b’mod kontinwu, minn filgħodu sa filgħaxija. 

Iż-żieda fix-xogħol tat-tindif u l-ġbir ta’ skart jifforma parti minn proġett fit-tul li tħabbar fil-ġimgħat li għaddew, immexxi minn Team Blue Lagoon, li jiġbor fih diversi ministeri u entitajiet oħra sabiex flimkien, fis-sentejn li ġejjin, iżidu u jiżguraw is-sostenibilità ambjentali tal-operat kollu fil-Blue Lagoon, filwaqt li jtejbu l-esperjenza u s-sigurezza tal-eluf ta’ persuni li jżuru dan is-sit, speċjalment fix-xhur tas-sajf.

Din is-sena, permezz ta’ dan il-proġett dawn l-awtoritajiet diġà kabbru ż-żona għall-għawm u tejbu l-operat tad-dħul u l-ħruġ tal-bastimenti mill-Blue Lagoon, sabiex iżidu s-sigurezza għall-għawwiema. Team Blue Lagoon qed jaħdem ukoll biex iżidu l-infurzar tar-regolamenti u ż-żamma tal-ordni f’din il-bajja, b’żieda fin-numru t’uffiċjali t’infurzar u miżuri oħra. 

Fl-istess waqt, fl-1 ta’ Mejju daħlet ukoll is-sistema “Book. Protect. Enjoy”, li permezz tagħha dawk kollha li jridu jinżlu fuq l-art fil-Blue Lagoon iridu jibbukkjaw minn qabel, b’sistema faċli online, bla ebda ħlas. B’hekk, filwaqt li sas-sajf li għadda, fl-eqqel tal-istaġun, f’din il-bajja konna naraw sa 12,000 persuna f’ħin wieħed, issa ma jistax ikun hemm aktar minn 4,000 fi kwalunkwe ħin. Din is-sistema ntlaqgħet tajjeb mill-viżitaturi, u fl-ewwel jum tagħha aktar minn 4,800 persuna użawha mingħajr diffikultà biex kisbu l-aċċess.

Team Blue Lagoon jinkludi uffiċjali u ħaddiema mill-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, kif ukoll mill-Ministeru t’Għawdex, l-Awtorità tat-Trasport, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, il-Pulizija, il-LESA u anke d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fost oħrajn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport