Bdew xogħlijiet estensivi ta’ restawr fuq is-Sur ta’ San Nikola, magħruf ukoll bħala s-Sur ta’ Bieb il-Polverista, li jifforma parti integrali mil-Linji tal-Kottonera li hi waħda mill-aktar sistemi ta’ fortifikazzjonijiet storikament sinifikanti f’Malta.
Ix-xogħlijiet, li qed jitwettqu permezz ta’ fondi lokali huma mistennija jitlestew din is-sena. L-ispiża stmata ta’ dawn ix-xogħlijiet ta’ restawr hija ta’ madwar €700,000.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, żaru dan il-proġett ta’ restawr.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna li dan ir-restawr huwa prova ċara tal-impenn kontinwu tal-Gvern fil-ħarsien u t-tisħiħ tal-wirt storiku u kulturali tagħna. “Dan ir-restawr huwa xhieda ċara tal-impenn kontinwu tal-Gvern biex jipproteġi u jsaħħaħ il-wirt storiku u kulturali tagħna. Permezz ta’ investiment sostanzjali, mhux biss qed insalvaw strutturi ta’ valur storiku, iżda qed nassiguraw li dawn jibqgħu parti ħajja mill-identità Maltija għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” stqarr Dr Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli rrimarkat li dan l-investiment juri kif il-kunsilli lokali qed jingħataw appoġġ mill-Gvern u qed joperaw f’sinerġija ma’ entitajiet nazzjonali. “Illum qed naraw kif id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni qed ikompli bit-tieni fażi ta’ dan ir-restawr. Dan hu investiment fil-wirt tanġibbli tal-lokalitajiet tagħna li se jkompli jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.”
Is-Sur ta’ San Nikola nbena lejn l-aħħar tas-seklu sbatax fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, bħala miżura difensiva b’reazzjoni għat-theddida ta’ attakk Ottoman wara l-waqgħa ta’ Kandia. Dawn il-fortifikazzjonijiet kellhom l-għan li jipproteġu l-Port il-Kbir u l-insedjamenti tal-madwar. Dan is-segment jinsab bejn il-Bastjun ta’ San Ġwann u l-Bastjun ta’ San Nikola. Filwaqt li l-Bastjun ta’ San Ġwann ġie restawrat, ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-Bastjun ta’ San Nikola bdew riċentement, u issa qed jiġu estiżi wkoll għal dan is-sur storiku.
Ix-xogħlijiet previsti jikkonsistu fir-restawr tal-faċċati ta’ wara tas-Sur ta’ San Nikola, inkluż il-ħajt fortifikat fil-livell t’isfel, kif ukoll il-faċċati tal-volti u tal-kmamar li jinsabu fil-parti ta’ fuq tas-sur. L-interventi jinkludu t-tindif tal-ġebel, li bħalissa jinsab affettwat minn ħmieġ bijoloġiku estensiv u swidija fuq il-faċċati kollha. Ġiet identifikata wkoll deterjorazzjoni sinifikanti fil-ġebel, b’ċerti żoni li jinsabu f’kundizzjoni kritika u li jeħtieġu sostituzzjoni tal-materjal. Ħafna minn din id-deterjorazzjoni hija kkawżata kemm mill-elementi naturali kif ukoll mill-effetti tal-ilma u l-melħ.
Ix-xogħlijiet jinkludu wkoll ir-restawr u s-sostituzzjoni ta’ aperturi tal-injam, kif ukoll titjib fis-sistemi tad-drenaġġ tal-ilma mill-livelli tal-pjattaforma, bil-għan li tiġi evitata aktar deterjorazzjoni kkawżata minn perkolazzjoni tal-ilma.
Għal din iż-żjara kien hemm preżenti wkoll iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, Joe Mizzi.

