Saturday, November 16, 2024

Jibqa’ jinżamm arrestat b’rabta ma’ ħruq ta’ vann f’Ħaż-Żebbuġ

Aqra wkoll

Carmelo Borg ta’ 62 sena mill-Imsida baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati fejn ġie mixli b’kompliċità fil-ħruq ta’ vann tal-għamla Dodge f’Ħaż-Żebbuġ.

Huwa kien mixli wkoll li rrenda ruħu kompliċi fir-reat ta’ ħsara volontarja fuq l-istess vann, liema ħsara taqbeż il-€250. 

Il-każ seħħ fl-1 ta’ Novembru li għadda, għall-ħabta tas-2.30 a.m., xħin il-pulizija kienu infurmata b’vann jaqbad fi Triq it-Troll, Ħaż-Żebbuġ. Dakinhar, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu kkontrollaw in-nirien.

L-imputat, li fil-Qorti qal li huwa impjegat mal-Gvern, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi u l-fatt li għad baqa’ diversi xhieda li għad iridu jixhdu fosthom il-vittmi.

L-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Mario Xiberras spjegaw lill-Maġistrat Doreen Clarke kif minn filmati tas-CCTV, l-imputat jidher iwassal persuna fuq il-post fejn seħħ il-każ u din tal-aħħar tidher tinżel mill-karozza u tqabbad il-vann.

“Għadna qed ninvestigaw min ħaraq dan il-vann. L-imputat baqa’ jgħidilna li ma jafx min hu. Huwa impossibbli li ma jafx. Il-vann li nħaraq kien proprjetà tiegħu stess u għadu reġistrat fuqu,” qal l-Ispettur Scicluna. “Qed noġġezzjonaw ukoll minħabba l-gravità tal-każ. Każi bħal dawn qed joħolqu biża’ fost in-nies u qed nitrattawh bħala reat gravissimu.”

Il-Qorti, minħabba l-karattru refrettajru tal-imputat kif rifless fil-fedina penali tiegħu, u l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi anke fid-dawl ta’ investigazzjoni li għadha għaddejja, ċaħdet it-talba għall-ħelsin mill-arrest tal-imputat.

L-Avukat Martin Fenech deher għal Carmelo Borg.

Ekonomija

Sport