Tuesday, December 30, 2025

Jibqa’ jinżamm arrestat wara li allegatament inqabad bid-droga f’Għawdex

Aqra wkoll

Clyde Muscat ta’ 33 minn San Pawl il-Baħar, iżda fil-Qorti qal li m’għandux indirizz fiss, baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti ta’ Għawdex fejn ġie mixli li kellu d-droga fil-pussess tiegħu.

Hu kien mixli wkoll li saq vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan valida kif ukoll li kellu pjanċi ta’ karozza oħra.

Quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana, l-Ispettur Keith Xerri spjega li kollox beda fil-21 ta’ Ottubru ta’ din is-sena meta Surġent li kien għassa x-Xlendi ra karozza BMW li kienet qiegħda tinstaq b’mod traskurat. Dak il-ħin is-Surġent ma rnexxilux iwaqqaf il-karozza, iżda ftit tal-ħin wara ra l-istess karozza pparkjata f’post fix-Xlendi.

L-Ispettur qal li s-Surġent iċċekkja l-pjanċi tal-karozza u nduna li dawn ma kinux jaqblu mal-BMW. Fil-karozza kien hemm l-imputat waħdu fuq is-seat tax-xufier. Saret tfittixija fl-istess karozza u fiha nstabet droga suspettata kokaina. Kien hawn li Muscat ġie arrestat.

Hekk kif komplew l-investigazzjonijiet, Muscat ingħata l-police bail fuq il-kundizzjoni li meta jiġi msejjaħ mill-Pulizija jrid imur l-Għassa. H

u ġie msejjaħ l-Għassa u ma marx biex ikompli jiġi mitkellem mill-Pulizija.

Nhar it-28 ta’ Diċembru għall-ħabta tan-12.30 a.m., il-Pulizija kellha informazzjoni li kien hemm attività suspettuża fi Triq il-Munxar, il-Munxar u meta marru uffiċjali tal-Pulizija sabu lill-imputat fil-karozza. Fuq tfittixija li saret sabu ammont ta’ droga fuqu. 

Hu ġie arrestat kemm minħabba d-droga li nstabet u anke minħabba li ma kienx osserva l-kundizzjonijiet tal-police bail.

L-imputat quddiem il-Maġistrat Sultana wieġeb mhux ħati tal-akkużi bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest. 

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba li Muscat ma kienx osserva l-kundizzjonijiet imposti fuqu meta ngħata l-Police bail kif ukoll li m’għandux indirizz fiss fejn jgħix.

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti ordnat li Muscat jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri filwaqt li d-Difiża tmexxiet mill-Avukat Mario Scerri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport