Raġel ta’ 25 sena residenti l-Fgura baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li sawwat lill-ommu.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li kienet l-omm li għamlet rapport mal-pulizija. Hija allegatament sofriet minn ġrieħi gravi wara li ġiet aggreditata minn binha stess.
Fil-Qorti ntqal li l-vittma kellha tiddaħħal l-Isptar għal kura wara li qalgħet diversi daqqiet allegatament mingħand binha stess. Il-vittma f’dan il-każ anke spiċċat tilfet sinna.
Id-difiża qalet li f’dan l-istadju mhux se tkun qiegħda titlob għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-imputat m’għandux indirizz fiss fejn jgħix minħabba li kien għadu jogħqod ma’ ommu.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih.
Il-Prosekuzzjoni u d-difiża qablu l-imputat għandu jinżamm il-Taqsima Forensika ġewwa l-Isptar Monte Carmeli.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Carlos Cordini flimkien mal-Avukat Jennifer Polidano. Għall-akkużat deher l-Avukat Mark Mifsud Cutajar.

