Thursday, August 28, 2025

Jibqa’ l-bżonn ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja

Aqra wkoll

“Ix-xogħol huwa salmura tal-ġisem” jgħid il-qawl Malti. U dan jirreferi sew għall-fatt li huwa x-xogħol diċenti li jagħti d-dinjità lill-bniedem. Fuq kollox, il-post tax-xogħol huwa l-lok fejn ħaddiem imur ta’ kuljum biex jaqla’ l-għajxien tiegħu u tal-familja. Bix-xogħol onest u dinjituż biss, il-ħaddiem jista’ jtejjeb il- kwalità ta’ ħajja li jgħix hu u l-familja tiegħu.

B’danakollu, għalkemm ix-xogħol huwa importanti, daqstant ieħor il-ħaddiem għandu jkollu dritt għal ftit ħin ta’ mistrieħ mal-għeżież tiegħu. Għalhekk il- bżonn li jkompli jinstab dak il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin tal-mistrieħ qiegħed dejjem hemm. 

Statistika riċenti ppubblikata mill-uffiċċju tal-Istatistika Ewropea, il-Eurostat turi li matul is-sena li għaddiet, 6.6% tal-persuni f’impjieg li għandhom bejn 20 u 64 sena fl-Unjoni Ewropea, kienu ħadmu 49 siegħa jew aktar fil-ġimgħa fl-impjieg primarju tagħhom. Din ir-rata f’pajjiżna, kienet fil-livell ta’ 5%. 

F’bosta mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, il-ġimgħa tax-xogħol hija bbażata fuq medja ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa u mhux aktar minn tmien sigħat f’sahra.

F’pajjiżna wkoll, bil-liġi, u ħlief f’ċertu okkażjonijiet, il-ġimgħa tax-xogħol ta’ ħaddiem full-time hija ta’ 40 siegħa u dan grazzi għall-ħidma tal-moviment Laburista lokali, inkluż il-General Workers’ Union.

Tajjeb infakkru li maż-żmien, id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Maltin fuq il-postijiet tax-xogħol tjiebu ferm sew bil-leġiżlazzjonijiet fil-Parlament u kif ukoll permezz tan-negozjar kollettiv li jsir bejn min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema.

Dan juri s-siwi tat-trejdunjins li r-rilevanza tagħhom mhux naqset imma żdiedet minħabba t-tibdil kontinwu u mgħaġġel li qed iseħħ fid-dinja tax-xogħol, li f’xi każi minnhom qed joħloq ukoll xogħol prekarju. Għalhekk huwa floku dak li ilha tgħid il-GWU dwar sħubija awtomatika fi trejdunjin tal-għażla tal-ħaddiem.

Dan għaliex il-prinċipju li fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa għadu jgħodd anki għaż-zmien tal-lum minkejja kull tħassib li fid-dinja tax-xogħol, it-teknoloġija għad tista’ tieħu post il-ħaddiem fiżikament.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport