Sunday, November 3, 2024

JIBQGĦU MA JINBIDLUX

Aqra wkoll

Jingħad li l-lupu jbiddel sufu imma mhux ġildu. Nemmnu li din il-frażi toqgħod sewwa ferm biex tiddeskrivi l-azzjonijiet tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista li ftit jiem biss wara li reġa’ ngħata l-kariga. Minbarra l-fatt li tellaq waħdu f’tellieqa li kienet ċara li ma setax jitlef, jidher li Grech kien sodisfatt bir-riżultat tant li din kienet l-ewwel ħaġa li qal fis-diskors tiegħu quddiem sħabu tal-Partit Popolari Ewropew. Minkejja l-fatt li l-istess Grech kien għadu ġej minn sfiduċja ta’ aktar minn 400 Kunsillier tal-partit li reġa’ qiegħed imexxi, donnu ftit li xejn għandu x’jinkwieta dwarha.

Barra minn hekk jidher li telfa elettorali kbira bħalma kienet dik tas-26 ta’ Marzu li għadda, ftit li xejn biddlitlu l-atteġjament tiegħu meta jitħaddet dwar pajjiżna quddiem il-barranin. Bħala Nazzjonalist, li sippost għandu post speċjali f’qalbu għan-nazzjon li welldu, Grech jagħżel li għal darba oħra jkun negattiv dwar pajjiżna u jgħid li minkejja li għaddew ix-xhur baqa’ ma sar xejn biex issir ġustizzja mal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Sa mill-ewwel xhur il-Kap tal-Partit Nazzjonalista naqas milli jkun Nazzjonalist fejn saħansitra nqabad fuq sieq waħda jgħid li hu jistħi jgħid li hu Malti u żeffen fin-nofs il-Greċja.

Il-viżjoni tiegħu bħala mexxej sippost hija r-ristrutturar tal-partit biex xi darba jkun fi stat li jista’ verament joffri Oppożizzjoni u min jaf forsi jikseb ukoll il-fiduċja tal-elettorat. Iżda minflok, Bernard Grech jagħżel li jiffoka fuq il-problemi tiegħu u jiffoka fuq il-problemi tal-partit daqslikieku hu m’għandu l-ebda tort li l-elettorat għażel li jerġa’ jwarrab il-kandidati fuq il-lista mmarkati bil-blu fuq id-dokument tal-vot. Id-diskors tiegħu tal-bieraħ kien bħal ritornell ta’ dak li qal ftit sigħat wara li reġa’ ngħata l-kariga ta’ Kap tal-partit. Huwa qal li għalissa ma jistax jiffoka fuq kif se jbiddel l-istat tal-pajjiż jekk l-ewwel ma jsolvix l-istat tal-partit. Fl-istess waqt huwa qiegħed jippretendi li għax hu ddikjara dak li fil-verità ma kien xejn ġdid għall-partitarji rigward id-dejn kbir li għandu l-Partit Nazzjonalista, il-partitarji għandhom jgħinuh bid-donazzjonijiet tagħhom. Ironikament huwa jagħżel li jkompli jitkellem dwar il-problema tal-għoli tal-ħajja u l-isfidi li qed jaffaċċja pajjiżna minħabba l-invażjoni fl-Ukrajna.

L-għajta fuq barra hija li l-poplu m’għadux ċuċ u li sar jaf jagħraf x’inhu l-aħjar għalih. Nemmnu li jekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinħeba wara d-dejn li hu ngħata fiduċja biex isolvi u fl-istess waqt jibqa’ jxerred il-mibegħda dwar pajjiżna, l-elezzjonijiet li ġejjin se jkomplu jikkonfermaw li l-poplu lil min iwieżnu għandu bżonn u mhux lil min jittallab biex jiġbor ġieħu.

Sport