Wednesday, February 5, 2025

Jiċċelebra għeluq sninu billi jaqsam mal-oħrajn l-enerġija tiegħu u jżur 48 sit storiku 

Aqra wkoll

Minkejja l-maltemp li ħakem lill-gżejjer Maltin matul il-ġimgħa li għaddiet, l-ebda buffura riħ, u lanqas il-kesħa ma qatgħu qalb Conrad Neil Gatt biex imexxi bil-pjanijiet tiegħu f’attività li organizza għal għeluq it-48 sena tiegħu, dik li jżur 48 sit storiku u jqajjem kuxjenza dwar wirt missirijietna li sfortunatment mhux dejjem napprezzawh.

Mill-kummenti li ħadna mingħand Conrad, huwa jinsab kuntent immens li kiseb dan ir-rekord u “li kollox mar kif pjanat, minkejja li kien maltemp mill-bidu nett, għax minn kif bdejna l-mixja u mxejna madwar żewġ kilometri, bdiet nieżla x-xita u nfetħu bibien is-sema kif wasalna Manoel Island u bdiet nieżla xita qliel. Kelli nibdel iż-żarbun, għax ħsibtlu peress li kont naf li kienet imsemmija maltempata u ħadt il-ħwejjeġ addattati wkoll.”

Matul din l-attività, apparti li bdiet tingħata informazzjoni fuq dawn is-siti storiċi, saru wkoll xi intervisti mal-istudenti ta’ Għawdex, ma’ studenti oħrajn minn diversi skejjel u anke nħarġu xi studenti mill-Kulleġġ tal-Imsida, u ħaduhom jaraw xelter fl-Imsida li kien qed jiġi mnaddaf matul din l-aħħar sena. Conrad jgħid li “dan irnexxa flimkien mat-tim tiegħi u anke ma’ Cleansing Malta, Ii rajna li jiġi mnaddaf u niftħuh proprju għal din il-ġurnata għal dawn l-istudenti li ġew iżuruh. Ħriġna wkoll lill-istudenti tal-Furjana, għamlulhom taħdita dwar l-istazzjon tal-Ferrovija, fejn l-istazzjon tal-ferrovija stess, dan grazzi wkoll kis-Sur Paul Galea, iċ-Chairman tal-Malta Railway Foundation.”

Matul din il-mixja Conrad spjega li kellu jimxi b’pass mgħaġġel ħafna għax kellu l-għan li jagħmilha f’10 sigħat, bl-għan ukoll li jagħmel 48 kilometru, iżda proprja rnexxielu jagħmel 51.6 kilometru u dan f’disa’ sigħat u għoxrin minuta, li huwa suċċess kbir meta spjegalna li dakinhar “kienet grigalata, bix-xita nieżla galor u r-riħ jonfoħ kontrina, għaddejna minn għadajjar bl-ilma u anke qalb it-traffiku, u kienet diffiċli għax tista’ tgħid li ħames sigħat minn din il-mixja kollha kienu kkaratterizzati minn xita kontinwa.”

Biex attività bħal din tirnexxi żgur li trid ħafna preparamenti, u Conrad qalilna li kien ilu xahrejn jipprepara għaliha, din li jsejħilha “ċelebrazzjoni ta’ wirt kulturali; l-istorja tkompli, biex permezz tagħha nqajmu aktar kuxjenza dwar minn fejn ġejjin aħna, il-passat tagħna, u kif nistgħu nirreġeneraw dawn il-postijiet għall-futur.” Conrad spjega li huwa flimkien mat-tim tiegħu kien diġà għadda xi proposti ta’ kif jistgħu jiġu rriġenerati, fosthom diversi xelters, “bħal xelter ġewwa Pembroke, xelters oħrajn ġewwa l-Mosta u Raħal Ġdid, u x-xelter li semmejt tal-Imsida li issa ser jibqa’ wkoll miftuħ għall-pubbliku wara li għadda f’idejn il-Kunsill Lokali tal-Imsida.”

Beda wkoll jitnaddaf is-Saint Clement Retrenchment ġewwa l-Verdala fuq inizjattiva li ilhom jiġġieldu fuqha għal madwar tliet snin bl-għan li jinfetaħ għall-pubbliku u anke mexxew proposta tassew interessanti u Conrad spjega li pproponew li dan iċ-ċentru “jinfetaħ bħala skola tas-snajja jew inkella bħala spazji miftuħa għan-nies.” Mhux biss, qed jisħqu wkoll fuq Fort Bengħajsa u taw il-proposti lill-awtoritajiet li ser jibdew minn hawn u ftit ieħor. Permezz ta’ hekk tajna vuċi lill-wirt kulturali ta’ pajjiżna, u kull fejn morna tajna informazzjoni dwar l-istorja, x’għamilna fuqu jew x’qed isir f’kull sit.” 

Ma’ din l-attività fejn wieħed kien qed jitgħallem dwar dan il-wirt, kien hemm rekord nazzjonali abbinat magħha li hi l-itwal distanza fl-inqas ħin u li għalhekk tajna espożiżżjoni lil 48 sit kulturali.

Din l-isfida ssuperata minn Conrad u t-tim ma tiqafx hawn, anzi tħeġġu biex is-sena d-dieħla jerġa’ jorganizza xi ħaġa aqwa u ikbar minn ta’ din is-sena, u beħsiebu li jinvolvi aktar nies, filwaqt li jrid dejjem iżomm f’moħħu dejjem is-sigurtà tan-nies. Huwa appella biex jekk hemm xi sit li huwa abbandunat jew vandalizzat wieħed għandu jirraporta lill-awtoritajiet fosthom, “SCH, jew il-Kunsill jew xi ministeru u nagħmlu pressjoni biex kemm jista’ jkun insalvaw aktar wirt storiku.”

Hija ferm interessanti li Conrad iddeċieda li jiċċelebra għeluq sninu b’dan il-mod, li qasam mal-oħrajn l-enerġija tiegħu, anke f’jum tipikament xitwi li għamlitlu dak li kellu pjanat f’moħħu iktar diffiċli, iżda li kienet tant success li kompliet ħeġġitu biex ikompli jagħmel il-ġid u jippreserva l-wirt nazzjonali Malti, biex hekk anke l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jgawdu minn dan il-wirt imprezzabbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport