Thursday, December 26, 2024

Jiċħad l-akkużi ta’ moħqrija lill-annimali; F’filmati r-raġel allegatament jidher iniżżel il-qalziet u jiġri wara debba

Aqra wkoll

Niġerjan akkużat b’moħqrija tal-annimali wara li deher bil-qalziet imniżżel fi stalla f’Għawdex ċaħad l-akkużi miġjubin kontrih u qal li kien fi stat ta’ sakra u kien mar l-istalla biex ifittex għall-mowbajl tiegħu.

L-inċident kien rapportat fl-1 ta’ Ottubru li għadda meta Robert Omo, ta’ 22 sena, allegatament kien identifikat minn filmati miġbudin minn kameras tas-sigurtà bħala l-persuna li kien daħal fl-istalla matul il-lejl ta’ qabel.

Wieħed mis-sidien tal-istalel kien ġieh suspett meta kien sab tajer ta’ karozza viċin wieħed miż-żwiemel meta kien mar l-istalla filgħodu. Ir-raġel kien informa lil ibnu b’dak li kien seħħ, b’dan tal-aħħar mar jiċċekkja l-filmati ta’ sigurtà b’mod immedjat. Fil-filmati deher raġel jidħol fl-istalel għall-ħabta tas-7.30 p.m. mhar it-30 ta’ Settembru.

Ir-raġel deher iniżżel il-qalziet kull tant ħin waqt li kien qed jiġri wara waħda miż-żwiemel madwar l-istalla. Huwa deher anke jagħti daqqiet lid-debba.

L-annimal imbeżża’ jidher jaħrab minn ħdejn in-Niġerjan, b’dan tal-aħħar joħroġ mill-istalel, viżibbilment izappap.

Madankollu qabel telaq minn fuq il-post, qabad tajer ieħor minn munzell barra l-istalel u tefgħu lejn l-annimal.

Ir-raġel allegtament reġa’ ntlemaħ fl-inħawi tal-istalel għal darb’oħra l-għada filgħodu.

Sid l-istalel li kien irrapporta l-inċident lill-Pulizija, identifika lis-suspettat bħala l-istess raġel li xi żmien qabel kien mar jistaqsih jekk kienx hemm impjieg disponibbli, fejn anke kien qallu li kien bil-ġuħ.

Sid l-istalel qal li kien ta €5 lin-Niġerjan biex imur jixtri l-ikel.

Il-Pulizija ġew informati dwar il-preżenza tas-suspettat l-għada tal-inċident filgħodu, bir-raġel jiġi arrestat fl-inħawi ta’ supermarket fil-viċinanzi.

Sussegwentement huwa wieġeb mhux ħati għal moħqrija ta’ annimali u li offenda l-moral pubbliku u li daħal fil-proprjetà ta’ terzi.

Fix-xhieda tagħhom quddiem il-Qorti ta’ Għawdex aktar kmieni din il-ġimgħa is-sidien tal-istalel fix-Xewkija qalu li d-debba kienet sfat trawmatizzata u fil-fatt kienet anke biddlet it-temperament tagħha u anke kienet provat tigdem lis-sidien.

Fix-xhieda tiegħu l-akkużat qal li l-jum ta’ qabel kien ikkonsma ammont kbir ta’ alkoħol u kien fis-sakra.

Qal li kien mar l-istalel biex ifittex għall-mowbajl, wara li ħaseb li kien tilfu hemmhekk meta l-jum ta’ qabel kien mar ifittex xogħol.

L-akkużat kien qal li kien mar lura l-istalla biex ifittex għaċ-charger tal-mowbajl.

Dwar il-fatt li niżżel il-qalziet, ir-raġel qal li kellu bżonn jagħmel l-awrina. Huwa insista li fil-mument kien fis-sakra u ma jiftakarx li kien ta daqqa ta’ ponn lid-debba.

Wara li sema’ s-sottomissjonijiet finali, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud aġġorna l-każ għall-għoti tas-sentenza.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.

Ekonomija

Sport