Friday, November 14, 2025

Jiċħad li kkawża l-mewt ta’ mara f’inċident tat-traffiku fil-Furjana

Aqra wkoll

Etienne Ciantar ta’ 53 sena residenti Ħaż-Żabbar ċaħad l-akkużi li kien ikkawża l-mewt ta’ turista Ġermaniża li ntlaqtet mill-karozza tiegħu fil-Furjana, f’Ġunju li għadda.

Hu deher quddiem il-Qorti permezz ta’ ċitazzjoni fejn ġie mixli b’sewqan perikoluż, traskurat u irresponsabbli.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Ann Marie Thake li l-inċident kien seħħ fis-19 ta’ Ġunju li għadda f’Lascaris Wharf. 

Il-Pulizija hekk kif waslu fuq il-post sabu karozza wieqfa f’karreġġata li tagħti għall-Marsa u mara ta’ 57  sena mixħuta fl-art.

Il-mara kienet ġiet Malta ma’ żewġha fuq cruise. Hija ttieħdet l-isptar għall-kura iżda jumejn wara tilfet ħajjitha kawża tal-ġrieħi li ġarbet.

Il-Prosekuzzjoni qalet li dwar dan l-inċident kienet infetħet inkjesta u fost l-oħrajn kien sar test tan-nifs lill-imputat li kien irriżulta li ma kienx qiegħed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol. 

Ġie spjegat li fil-ħin tal-inċident il-mara kienet qed taqsam it-triq ma’ żewġha. 

Il-Maġistrat Ann Marie Thake qalet li hemm biżżejjed provi biex ikompli jinstema’ l-każ.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Nicholas Vella filwaqt li d-difiża qed titmexxa mill-avukati Veronica Anne Spiteri u Sarah Ciliberti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport