Saturday, December 21, 2024

“Jiddispjaċini ħafna nara ċertu kummenti… daqslikieku kieku stajt, ma kontx se nwaqqfu”

Sid iż-żiemel li miet fl-Imsida jikkjarifika dwar kummenti fuq il-midja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Iddispjaċut immens minħabba ż-żiemel għax barra milli kien parti mill-għajxien tiegħi, kull bhima li jkollna aħna li nrabbu l-bhejjem issir parti minnek. Imma aktar minn hekk iddispjaċut jew aħjar diżgustat bil-kummenti ta’ dawk li minn wara l-keyboard jaħsbu li jistgħu jiktbu kulma jiġihom f’moħħhom”.

Din kienet ir-reazzjoni ta’ sid iż-żiemel li miet f’inċident sfortunat aktar kmieni dagħlodu fl-Imsida. Is-sid kompla biex jgħid ma’ Talk.mt li ż-żiemel kellu l-permess u kollox kif titlob il-liġi. 

Huwa kompla biex jgħidilna li minkejja li żommhom bl-aħjar mod li tista’, huma x’inhuma dawn bhejjem. Barra minn hekk, iż-żiemel ma kienx armat waqt il-ħin tal-inċident. Is-sid spjegalna li dan kien waqt il-ħin tal-mistrieħ tiegħu meta għal xi raġuni sfratta minn ġo għalqa li kien jinżamm fiha u ovjament dan mhux se jikkalkula t-triq li jkun qabad. Mistoqsi dwar x’seta’ wassal biex dan seħħ, is-sid qalilna li min ġieli rabba xi annimali jaf li dawn l-affarijiet m’hemmx spjegazzjoni għalihom għax setgħu kienu ħafna l-fatturi li wasslu biex ġara li ġara.

“Nerġa’ ntenni li mhux ġust li kulħadd jitħalla jikteb li jrid u jixħet lil kulħadd fl-istess keffa. Għalkemm maħsud b’din it-telfa, tal-anqas konxju li seta’ kien hemm eżitu ferm agħar minn hekk b’mod speċjali meta tqis kemm jgħaddu vetturi minn dik it-triq kuljum u l-ħin li fih seħħ l-inċident”, kompla jispjega magħna sid iż-żiemel.

Rigward ċertu kummenti, xtaq jiċċara rigward dawk li mingħajr ma jaqraw l-aħbar jaqgħu fil-kantaliena li “ż-żwiemel mhux posthom fit-toroq”, Huwa qalilna li din hija xi ħaġa li kienet ġiet indirizzata snin ilu. Kien hawn l-għajta minn dawk li jħarsu d-drittijiet tal-annimali li ż-żwiemel m’għandhomx jitħaddmu f’ċertu ħinijiet minħabba l-qilla tax-xemx, li għandhom jingħataw l-aħjar kura fosthom bi provvista ta’ ilma frisk u jinżammu nodfa, u llum hemm uffiċjali li jaraw li s-sidien taż-żwiemel tal-karozzini jħarsu dawn ir-regoli. 

“Inutli nibqgħu naqgħu fl-istess diskors, xogħolna bil-karozzini huwa parti mit-tradizzjonijiet tal-pajjiż u bis-saħħa tagħna li nkomplu nagħmlu dan ix-xogħol qegħdin noffru servizz lit-turisti li jfittxuha sew dik id-dawra bil-karozzin. Minkejja kull sfida li naffaċċjaw fost l-oħrajn anke biż-żieda fil-prezzijiet tal-ġwież li hija realtà li trid tgħixha biex tkun taf kemm hi iebsa għalina, s’issa għadek issib nies dilettanti li jibqgħu joffru dan is-servizz”, temm jgħidilna s-sid.

Ekonomija

Sport