Monday, October 21, 2024

“Jidher ċar li l-ekonomija baqgħet reżiljenti”- Profs. tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta Philip von Brockdorff

Aqra wkoll

“Għal darb’oħra jidher ċar li l-ekonomija baqgħet reżiljenti fl-isfond tal-inċertezza internazzjonali li qegħdin niffaċċjaw  bħalissa. Minkejja li t-tkabbir ekonomiku mistenni jkun inqas mill-2023, xorta jibqa’ wieħed b’saħħtu bir-rata din is-sena mistennija kważi 5 fil-mija f’termini reali”. Qal dan il-Professur tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta, Philip von Brockdorff f’kumment li tana dwar id-dokumnt ta’ qabel il-Budget 2025. 

Huwa elabora li d-dokument ta’ qabel il-Budget jagħti r-raġunijiet ewlenin għal dan it-tkabbir bl-esportazzjoni ta’ servizzi (partikolarment turiżmu); igaming; servizzi finanzjajri; il-manifattura u l-konsum ikunu fost l-aktar importanti. Ta’ min jinnota wkoll li f’dawn is-setturi kien hemm żieda fil-produttività liema żvilupp jawgura tajjeb għat-tkabbir ekonomiku fil-futur. Ta’ min iżid li s-self fuq xiri ta’ proprjetà baqa’ b’saħħtu b’rata ta’ imgħax tkun l-irħas fl-Unjoni Ewropea.

L-għajnuna mis-sussidji mogħtija mill-Gvern

Il-Profs. Philip von Brockdorff spjega li żieda fil-produttività twassal ukoll għal żieda kemm fil-kumpens reali li jingħata lill-ħaddiema fis-setturi li semma u mod ġenerali f’setturi oħra u hekk fil-fatt ġara fl-ewwel kwart ta’ din is-sena filwaqt in-negożji esperjenżaw ftit tnaqqis fil-profitti fl-istess perjodu. 

“Ta’ min iżid li dawn l-iżviluppi seħħew f’perjodu fejn il-Gvern issokta bis-sussidji fuq l-energija u fjuwil, liema sussidju kompla għen biex il-konsum jibqa’ b’saħħtu u jittaffew l-ispejjeż għan-negozji. Permezz ukoll tas-sussidji r-rata ta’ inflazzjoni ma komplietx tirranka ‘l fuq u għalkemm ir-rata tibqa’ aktar minn 2 fil-mija, illum hemm aktar stabilità fil-preżżijiet. Dan huwa rilevanti wkoll fil-kuntest tal-finanzi pubbliċi għax inaqqas l-ispiża fuq il-COLA addizjonali u l-COLA b’mod ġenerali.”

Deficit li mistenni jinżel għal inqas minn 3% tal-GDP

Min-naħa tiegħu semma’ kif Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li ssottomettiet il-pjan finanzjarju skont ir-regoli fiskali ġodda tal-Unjoni Ewropea. Żied li, “dan juri li d-direzzjoni fiskali ta’ pajjiżna hija ċara: permezz tat-tkabbir ekonomiku mistenni fl-2025 u s-snin immedjati ta’ wara kif ukoll aktar efficjenza fid-dħul ta’ taxxi, id-deficit huwa mistenni jinżel għal inqas minn 3 fil-mija tal-prodott gross domestiku (GDP) fis-snin immedjati.

Dan fl-isfond ta’ miżuri li qegħdin jittieħdu b’suċċess biex titnaqqas l-evażjoni fiskali. Fl-istess waqt, il-Gvern ikun f’pożizzjoni li jċaqlaq is-ceiling fuq ir-rati tat-taxxi kif kien imwiegħed fil-manifest elettorali. Dan juri li filwaqt li qegħdin jittieħdu miżuri kontra l-evażjoni fiskali, mhux qegħdin jittieħdu miżuri ta’ awsterità liema miżuri jwasslu biex il-konsum jonqos u jonqos ukoll it-tkabbir ekonomiku li huwa meħtieġ biex il-Gvern jiġġenera d-dħul meħtieġ biex jiffinanzja l-Budget 2025”.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport