Saturday, November 9, 2024

“Jidher li l-futur tal-qasam tal-propjetà se jibqa’ wieħed b’saħħtu għall-ekonomija” – Alex Brincat

Aqra wkoll

Alex Brincat huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ Century 21, Malta, b’din id-ditta hija waħda mill-akbar netwerks ta’ aġenti tal-proprjetà fid-dinja, b’madwar 10,000 uffiċċju u 130,000 professjonist tal-bejgħ mifruxa ma’ 80 pajjiż differenti madwar id-dinja. F’Century 21, wieħed isib  persuni dedikati biex jiksbu l-aħjar riżultati għall-klijenti tagħhom li jixtru u jbigħu proprjetà immobbli. L-esperjenza tagħhom u s-servizz orjentat lejn il-klijent kontinwament iġibu lin-nies lura għas-Century 21.

B’eluf ta’ uffiċċji madwar id-dinja, huma żviluppajw esperjenza bla paragun dwar kif in-nies iridu jixtru, ibigħu u jikru proprjetà. Huwa l-pjaċir tagħhom li jaqsmu dak li jafu u jagħtu l-aħjar pariri possibbli, filwaqt li jistinkaw biex jiżguraw li l-esperjenza ma tkun xejn ħlief eċċezzjonali. 

F’din l-intervista, iddiskutejna ma’ Alex diversi materji interessanti dwar is-suq tar-retail f’pajjiżna, fejn bdejna biex saqsejnieh dwar kif inhu s-suq tar-retail bħalissa f’Malta.

Fi kliemu: “Jekk ikolli nħares lura lejn kif morna fl-2021 bħala industrija nista’ ngħid li minkejja l-isfidi kollha li ġabet magħha din il-pandemija, l-industrija baqgħet b’saħħitha fejn saħansitra qabżet il-valuri rekord tal-2019 f’termini ta’ valur tal-proprjetà mibjugħa. 

Jekk inħarsu lejn x’ġara fl-2021, 14,349 kuntratti tal-bejgħ ġew reġistrati mal-Awtoritá tat-Taxxa. Dan ifisser żieda ta’ 29.8% mis-sena ta’ qabel fuq kuntratti depożitati. Bħala valur ta’ kuntratti tal-bejgħ li ġew depożitati rajna żieda ta’ 46.8% fuq is-sena ta’ qabel li jammonta għal €3,120.3 miljun. 

L-akbar amount ta’ kuntratti tal-bejgħ li ġew reġistrati fl-2021 kienu fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Iklin u Ħal Lija segwit mil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar. Però, rajna tnaqqis fil-lokalitajiet tal-Birgu, l-Isla, Bormla u l-Kalkara li tant huma għal qalb il-barranin. Filwaqt li f’Għawdex l-aktar lokalitajiet popolari baqgħu x-Xagħra, il-Qala, in-Nadur, Għajnsielem segwiti mill-Għarb, Għasri, Sannat, Xlendi u San Lawrenz. Hawnhekk nsibu li dejjem aktar u aktar Maltin qed jagħżlu li jixtru proprjetá ġewwa l-gżira Għawdxija. 

U fil-prezent, huwa iktar worth it li tixri jew li tikri?

Biex wieħed ikun jista’ jwieġeb tajjeb din id-domanda wieħed ikun jrid jara naqra ċ-ċirkostanzi li jkun jinsab fihom il-klijent. Għalhekk jiddependi mill-persuna li jkollok quddiemek għax għal wieħed huwa worth it li jixtri filwaqt li għall-persuna l-oħra aħjar li jikri. Pereżempju, ikollna ħafna barranin li jiġu biex jaħdmu jew jistudjaw hawn Malta, f’dan il-każ għal dawn il-klijenti huwa worth it li jikru. 

Fil-passat kien ikollna nies ta’ ċertu dħul baxx li kienet diffiċli għalihom li jsiru sidien ta’ djarhom minkejja li huma residenti Maltin. Minħabba kif kien jopera s-suq dak iż-żmien l-unika għażla li kellhom kienet proprju li jikru. Peró, l-Awtorità tad-Djar  kienet  strumentali  biex  żdied  l-aċċess  għas-suq  tal-proprjetà  fost  kategoriji  ta’  dħul  baxx  u  medju.  Taħt l-iskema Equity Sharing miftuħa  għall-persuni  li  għandhom minn 30 sena ’l fuq, fejn il-Gvern jidħol għal massimu ta’ 50% tal-propjetà flimkien max-xerrej aktar u aktar persuni qed jsiru  sidien  ta’  djarhom. Dan filwaqt li skemi oħra li qed jgħinu liż-żgħażagħ isiru  sidien  ta’  djarhom,  bħall-iskema  tal-ħlas  tal-10%  depożitu li jsir fil-konvenju u l-iskema tal-Home  Assist  biex  persuni  u koppji bi dħul baxx jirnexxielhom jieħdu self mill-bank.

U kemm jaffettwa l-fatt ta’ kemm tkun b’saħħitha l-ekonomija fil-pajjiż għas-suq tar-retail?

Fis-settur tar-Real Estate bħal kwalunkwe industrija oħra, il-fatt li jkollok ekonomija fil-pajjiż li tkun stabbli u b’saħħitha huwa kruċjali biex wieħed jkompli jinvesti u jkattar l-ekonomija tal-pajjiż kif ukoll jiġġenera aktar impjiegi. Il-fatt li jkollok ekonomija b’saħħitha jgħin biex il-pajjiż ikun f’pożizzjoni li jintroduċi aktar skemi biex iħares l-interessi taċ-ċittadini għax li jkollok id-dar tiegħek huwa dritt ta’ kull ċittadin u l-qafas ta’ ekonomija b’saħħitha. 

Tajjeb li nsemmu li kemm l-industrija tal-kostruzzjoni flimkien ma’ dik tar-Real Estate taw kontribut biex l-ekonomija tal-pajjiz kompli tikber. Tradizzjonalment dawn is-setturi kienu dejjem popolari mal-Maltin u l-Għawdxin għax dejjem kienu kkunsidrati bħala safe haven biex wieħed jinvesti flusu, fejn ir-Return on Investment huwa wieħed ogħla mill-medja. 

Biex dan is-settur ikompli jiġġedded huwa importanti li l-Gvern flimkien mal-istakeholders ikompli jkun sensittiv għal dan is-settur billi jġedded jew jintroduċi skemi li jkomplu jgħinu u jindirizzaw l-isfidi li ċ-ċittadini jistgħu jiltaqgħu magħhom biex jixtru proprjetá. Ikompli jsaħħaħ il-proċessi biex b’hekk l-industrija tkompli tikber u nkomplu nipproduċu xogħol ta’ kwalitá li tant huwa importanti biex ikompli jiġġenera valur fl-ekonomija tagħna. Jinħass il-bżonn li l-industrija tkun issapportjata billi l-pajjiż jipproduċi ħaddiema professjonali u mħarrġa f’dan is-settur. 

Il-pandemija tal-Covid-19 kemm affettwat lis-suq tar-retail?

Żgur li l-pandemija tal-Covid-19 ġabet sfidi importanti madwar id-dinja fosthom Malta. Biss biss nistgħu naraw b’għajnejna kif din laqtet ħażin is-setturi tal-avjazzjoni, ospitalitá u catering fost l-oħrajn. Pero, bl-Ingliż ngħidu li, “The proof of the pudding is in the eating”, minkejja li l-pandemija kienet test importanti għas-settur tar-Real Estate, illum nistgħu ngħidu li bqajna noperaw b’mod kostanti u fl-2021 qbiżna l-livelli tal-2019 bi 15.3% f’termini ta’ valur. 

Waqt il-pandemija, is-settur tar-Real Estate baqa’ l-mutur tal-ekonomija Maltija fejn diversi investituri baqgħu juru fiduċja fl-ekonomija tagħna fejn il-maġġoranza tagħhom għażlu li jixtru proprjetá kummerċjali filwaqt li oħrajn għażlu li jikru. Jekk inħarsu lejn is-suq residenzjali, il-maġġoranza tagħhom huma first time buyers li qed jagħmlu użu tajjeb mid-diversi inċentivi li ħareġ il-Gvern. Il-kumplament tas-suq huwa magħmul minn klijenti li qed jixtru proprjetá biex jikru, oħra biex itejbu u jimmodernizzaw id-dar tagħhom, biex jixtru dar ta’ villeġġjatura jew biex iċekknu d-dar taghhom. 

Il-pandemija nistgħu ngħidu li biddlet xi ftit it-talbiet tal-klijent fejn ħafna aktar qed ifittxu djar b’aktar spazjijiet bħal ngħidu aħna pixxina, ġnien, gallarija, kif ukoll spazju biex jagħmlu xi uffiċju biex jaħdmu mid-dar. 

Qed naraw numri dejjem jikbru fejn diversi klijenti qed jagħżlu li jixtru ġewwa l-gżira Għawdxija fejn id-djar tradizzjonali bħall-Houses of Character huma aktar mfittxija minn qatt qabel. Filwaqt li l-maġġoranza tax-xerrejja huma minn Malta, xorta waħda l-aktar proprjetijiet popolari jibqgħu l-appartamenti u l-penthouses segwiti mill-maisonettes. 

Minkejja l-pandemija nistgħu naraw li l-prezzijiet tal-proprjetá baqgħu stabbli u f’ċerti każijiet żdiedu. Għalhekk, mhux qed nistennew li l-prezzijiet jinżlu. Bħalma ngħidu dejjem: “L-aħjar żmien li tixtri proprjetá, huwa llum.” 

Is-suq tal-kiri kien daqsxejn differenti hekk kif il-pandemija affettwat dan is-suq minħabba li kien hawn ħafna anqas turisti u ħafna anqas ħaddiema barranin. Peró, hekk kif dejjem ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar dejjem qed jonqsu, nemmnu li s-suq tal-kiri se jerġa’ jiġi għal dak li kien qabel. 

Żgur li aħna bħala CENTURY 21 – waħda mill-iktar ditti ta’ real estate rinomati madwar id-dinja – konna minn ta’ quddiem biex inkomplu nkattru u nkabbru dan is-settur f’dan iż-żmien tant diffiċli. Grazzi għat-tmexxija l-ġdida, il-kumpanija ħadet l-opportunitá biex tkompli tinvesti u ttejjeb is-servizzi li toffri fejn komplejna ngħollu l-livell u ffukajna aktar fuq il-kwalitá tas-servizz.  

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Alex, x’futur jaħseb li għandu dan il-qasam f’pajjiżna?

Minn numri li dejjem qed nesperjenzaw qed naraw li l-futur f’dan il-qasam jidher li se jkun wieħed b’saħħtu għall-ekonomija ta’ Malta. Biss biss fl-2021, ġew reġistrati 15,655-il konvenju jiġifieri żieda ta’ 39% fuq l-2020 u żieda ta’ 34.8% fuq l-2019. 

F’Diċembru tal-2021 rajna żieda sostanzjali ta’ konvenji u dan minħabba l-iskema fiskali li l-Gvern kien ħabbar fil-Budget tal-2021 u li rat it-terminu tagħha proprju f’dak ix-xahar. F’dawn il-miżuri li kienu daħlu biex inaqqsu mill-impatt tal-pandemija, fejn ir-rata tal-boll fuq xiri  ta’ proprjetà naqset minn ħamsa fil-mija (5%) għal wieħed punt ħamsa fil-mija (1.5%)  fuq  l-ewwel  erba’  mitt  elf  ewro  (€400,000)  tal-valur  tal-proprjetà  u t-tnaqqis  tar-rata  ta’  taxxa,  minn  tmienja  fil-mija  (8%) għal  ħamsa fil-mija (5%) fuq dawk li qegħdin ibiegħu proprjetà. Dan jgħodd għal dawk il-konvenji rreġistrati sal-31 ta’  Dicembru 2021 u li mbagħad it-tali konvenju jissarraf  f’kuntratt li jsir mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2022.

Hawnhekk qed nosservaw xi tibdil fit-tendenza fejn l-aktar lokalitajiet li rreġistraw l-akbar numru ta’ konvenji huma l-Birgu, L-Isla, Bormla u l-Kalkara segwiti mil-lokalitajiet tal-Belt Valletta, Floriana, il-Marsa, il-Ħamrun, Tal-Pietá u Santa Venera, zieda ta’ 105.1% u 70.6% rispettivament fuq is-sena ta’ qabel.  

Din it-tibdil fit-tendenza huwa attribut għall-miżuri li ħabbar il-Gvern fl-aħħar budget fosthom: 

Ħelsien tat-taxxa fuq bejgħ u xiri ta’ proprjetà vakanti jew f’UCA jew bi stil tradizzjonali 

Għall-proprjetajiet  li  ilhom  mibnija  għal  aktar  minn  20  sena u  huma  vakanti  għal  aktar  minn  seba’  snin,  għal  proprjetajiet  li huma  f’UCA  u  għal  dawk  il-proprjetajiet  ġodda  li  jinbnew  bi  stil  u arkitettura  tipika  u  tradizzjonali  Maltija,  ser  inkunu  qed  inneħħu t-taxxa  tal-Capital  Gains  u  t-taxxa  tal-boll  b’mod  komplut  fuq l-ewwel €750,000 tal-prezz tal-proprjetà. Barra  minn  hekk,  first  time-buyers  ta’  dawn  il-proprjetajiet  li għadni kif semmejt f’Malta ser jirċievu grant ta’ €15,000. First-time buyers  Għawdxin li  jixtru  dawn  it-tip  ta’  proprjetajiet  ġewwa Għawdex ser jirċievu grant bil-valur  doppju jiġifieri  ta’ €30,000.  

Għotja fuq il-valur tal-VAT imħallas 

Mit-12 ta’ Ottubru 2021,  għal  dawk  li  ser  jixtru  jew  li  diġà għandhom dawn it-tip ta’ proprjetajiet ser tingħata ukoll għotja fuq  il-valur  tal-VAT  imħallas  sa  massimu  ta’  €54,000  għal  fuq l-ewwel  €300,000  fi  spejjeż  ta’  restawr  u  irfinar. 

X’inhu l-pass li jmiss?

Hekk kif dan is-settur qiegħed dejjem jikber, aħna ta’ CENTURY 21, il-ħidma tagħna ma tieqaf qatt u dejjem inkunu qed nistiednu aktar u aktar aġenti kemm ta’ esperjenza kif ukoll dawk kollha li jixtiequ jidħlu f’din l-industrija għall-ewwel darba biex jingħaqdu mal-familja ta’ CENTURY 21. U jekk m’għandekx esperjenza imma dejjem xtaqt tibda din il-karriera tinkwieta xejn għax aħna noffru diversi korsijiet taħt it-tutela ta’ CENTURY 21 University li jgħallmuk dak kollu li jkollok bżonn biex tibni karriera. 

Kif ukoll dawk Seasoned Property Consultants li dejjem xtaqu li jkollom il-branch tagħhom nistidnuhom biex ikellmuna biex isiru jafu dwar l-iskemi li għandna biex aħna ngħinuhom jagħmlu dan il-pass u l-ħolma tagħhom issir realtà. 

Jekk trid tkun taf aktar, jew qed tfittex biex tixtri jew tbiegħ id-dar tiegħek, jew trid tissieħeb magħna, agħmel kuntatt miegħi fuq: Mobile: 00356 7923 3996 – Call or WhatsApp; Uffiċċju: 00356 2339 2121; Email: [email protected]

Sport